George Vella jiltaqa' ma' delegazzjoni Parlamentari mill-Kanada

Il-Ministru Vella mal-kanadiżi
Il-Ministru Vella mal-kanadiżi

Illum il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dr George W. Vella ltaqa’ ma’ Delegazzjoni Parlamentari Kanadiża. Hija prattika tal-membri parlamentari Kanadiżi li jżuru l-pajjiżi Ewropej qabel ma’ dawn jieħdu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Vella u d-delegazzjoni Parlamentari Kanadiża tkellmu dwar il-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada, partikolarment dak li huwa msejjaħ bħala l-EU-Canada Comprehensive Economic and Trade Agreement (CETA).

Fl-isfond tal-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-UE fl-2017, il-Ministru Vella tkellem dwar il-prioritajiet ta’ Malta matul il-Presidenza, b’enfasi partikolari dwar kif Malta se żżomm ir-reġjun tal-Mediterran bħala waħda mill-prijoritajiet għal waqt il-Presidenza. Il-Ministru Vella u d-Delegazzjoni Parlamentari Kanadiża ddiskutew ukoll ir-referendum li sar fir-Renju Unit u wkoll il-futur tal-Unjoni Ewropea. Saret referenza wkoll għall-Commonwealth u t-twaqqif f’Malta ta’ Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Pajjiżi Żgħar tal-Commonwealth f’Diċembru li ġej.

Il-Ministru Vella u d-Delegazzjoni Parlamentari Kanadiża tkellmu wkoll dwar numru ta’ sfidi reġjonali, fosthom il-migrazzjoni u s-sigurtà, is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, il-Libja u s-Sirja kif ukoll l-iżviluppi fil-Lvant Nofsani. Fi tmiem il-laqgħa, l-Ministru Vella rrefera għar-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi. Kemm il-Ministru Vella kif ukoll id-Delegazzjoni Parlamentari Kanadiża qablu li għandha titkompla l-ħidma bejn iż-żewġ naħat biex jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Kanada.

 

 

More in Politika