Wara li rapporti fil-media qalu u ppubblikaw ritratti li kien hemm pazjenti f'Mater Dei li kellhom jingħataw il-kura fil-kurituri, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne saħaq li dan mhux minnu, u żied jgħid li dawn il-pazjenti kienu qegħdin jistennew testijiet mediċi bħal X-Ray jew jistennew ir-riżultat ta’ dawn l-istess testijiet, jew pazjenti li qegħdin jistennew biex jinqdew minn xi servizz ieħor fid-Dipartiment tal-Emerġenza.
Żied jgħid ukoll li f’każijiet minnhom dawn il-pazjenti lanqas biss ikunu ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei.
Dawn ir-ritratti dehru eżattament l-għada ta' mistoqsija parlamentari li wieġeb għaliha l-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne fejn qal li ma kien hemm l-ebda pazjent li ngħata kura f’xi kuritur ta’ Mater Dei bejn April u Awwissu ta’ din is-sena. Dan filwaqt li bejn Jannar u April kien hemm 662 pazjent.
Mill-istess mistoqsija parlamentari, ħareġ kif fl-2011, kien hemm 7,448 pazjent u 8,118 pazjent fl-2012.
Fearne saħaq li dan huwa mertu fost oħrajn ta’ żewġ swali ġodda mibnija bil-għan propju li jiżdiedu s-sodod f’Mater Dei u jtaffu min-nuqqas ta’ pjanar.