6 lokalitajiet ġodda bi tqassim tal-mediċini fid-djar

L-ispiżeriji li jidħlu f'din l-iskema se jkunu qed igawdu minn tax credit limitat

Wara li f’Novembru tal-2015 inbeda proġett pilota fil-lokalitajiet tar-Rabat u tar-Raħal Ġdid għall-iskema tat-tqassim ta’ mediċini fid-djar lil persuni li għandhom ’il fuq minn 70 sena, issa din l-iskema se tiġi estiża għal sitt lokalitajiet oħra. Fil-fatt, wara li spiċċat il-fażi ta’ proġett pilota fir-Rabat u Raħal Ġdid, li fiha ħadu sehem 11-il spiżerija, issa żdiedu wkoll il-lokalitajiet tal-Imdina, Ħad-Dingli, l-Imġarr, Santa Luċija, Ħal Tarxien u l-Fgura.

Għal mistoqsija parlamentari tad-deputata Claudette Buttigieg, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne spjega li dan is-servizz offrut mill-ispiżeriji mhux mandatorju li jsir mill-ispiżeriji li qegħdin fl-iskema tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek. Fearne kompla jgħid li din l-iskema ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-ispiżjara fil-komunità, u għaldaqstant mistenni li l-maġġoranza tal-ispiżeriji jipparteċipaw f’din l-iskema, u fil-preżent, il-ministeru qed jirċievi l-konfermi ta’ liema huma dawk l-ispiżeriji li se jkunu qed jieħdu sehem.

Rigward in-numru ta’ anzjani li se jkunu qed jagħmlu użu minn dan is-servizz, Fearne sostna li għadu kmieni wisq sabiex wieħed ikun jista’ jagħti figura.

Meta mistoqsi dwar l-ispiża ta’ din l-iskema, il-Ministru tas-Saħħa qal li mhux se jkun hemm kumpens dirett għat-tqassim tal-mediċini fid-djar mill-ispiżjara fil-komunità imma l-ispiżeriji li jagħmlu investiment marbut ma’ din l-iskema se jkunu qed igawdu minn tax credit limitat. 

More in Politika