Waqt attività politika mtella’ fil-Każin Laburista tal-Birgu, il-Prim Ministru qal li ''ilna mill-ewwel baġit taħt dan il-Gvern nagħtu biss lill-poplu Malti u Għawdxi.
''Is-soċjetà tiġġudikana fuq kif iħoss l-iżgħar wieħed fi ħdanha. Qed ngħixu f’sitwazzjoni fejn il-kbir kiber, il-klassi tan-nofs issodat u ż-żgħir, li fis-snin li għaddew ma ntlaħaqx, qed jiġi mgħejjun.’’
Fost id-diversi miżuri li daħħal dan il-Gvern fil-Baġit, huwa semma ż-żieda fil-paga minima, iż-żieda fil-pensjonijiet u t-tneħħija tat-taxxa fuq pensjonijiet li jlaħħqu t-€13,000, għajnuna lil min jieħu ħsieb lill-familjari tiegħu u għajnuna lil dawk b’diżabbiltà. Qal li mhux veru li l-klassi tan-nofs ġiet minsija.
Dwar l-għajnuna lill-persuni b’diżabbiltà, il-PM qal li l-Gvern ħa dawn il-miżuri fuq ħidma preċedenti tal-istess gvern. Il-PM faħħar ukoll lill-eks-PM Lawrence Gonzi għall-ħidma li huwa wettaq fil-passat b’risq il-persuni b’diżabbiltà.
Fost il-miżuri li introduċa dan il-Gvern fis-snin preċedenti matul din il-leġiżlatura, hemm li l-benefiċċji lill-persuni b’diżabbiltà ma baqgħux jingħataw kif kien jiġri qabel.
''Issa dan il-baġit kompla jibni fuq il-miżuri tas-snin li għaddew billi għolla l-pensjoni tal-persuni b’diżabbiltà għall-paga minima nazzjonali’’.
Joseph Muscat saħaq ukoll li ''b’dawn il-miżuri qed nuru li l-Baġit huwa wieħed ta’ Gvern b’viżjoni, fejn il-ġid li qed jinħoloq bl-ekonomija li għandna llum, kulħadd qed jimxi ‘l quddiem u l-frott tal-istess ekonomija qed jasal għand kulħadd''.