Busuttil jibqa' jinsisti li l-Prim Ministru għandu jirreżenja minħabba l-każ Panama

'Il-PN fil-Gvern se jneħħi t-tanker tal-gass mill-bajja ta' Marsaxlokk'

Simon Busuttil jibqa' jinsisti li l-Prim Ministru għandu jirreżenja minħabba l-każ tal-Panama. Busuttil jgħid li mhux biss għandhom jitwarrbu l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri, iżda anke l-Prim Ministru. "Ħadd m'għadu jemmnek dwar il-Panama, Prim Ministru," insista Busuttil. Minbarra dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni intrabat li jekk ikun fil-Gvern, iniedi investigazzjoni indipendenti fuq kull kuntratt innegozjat minn Konrad Mizzi u Keith Schembri, bħall-bejgħ tal-Enemalta u l-privatizazzoni tal-isptarijiet. Għaldaqstant, il-Kap tal-Oppożizzjoni insista u apella lill-Prim Ministru sabiex ma jmurx għall-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b'Konrad Mizzi bħala Ministru tal-Gvern u Keith Schembri bħala chief of staff. "Neħħiehom minn ma' għonqok qabel jagħmlu iktar ħsara lil pajjiżna," appella l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Rigward il-qasam tal-enerġija u t-tanker tal-gass li hemm Marsaxlokk, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jekk il-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern, se jkun qed ineħħi t-tanker tal-gass mill-bajja ta' Marsaxlokk. Fid-diskors tiegħu, Busuttil qal li fir-rapport ippubblikat dwar dan it-tanker, u dwar l-eventwalità ta' emerġenza f'dan it-tanker jissemma li għandu jkun hemm pjan ta' evakwazzjoni, mhux biss għal min ikun fuq it-tanker, iżda anke nies fuq l-art, jiġifieri r-residenti tal-madwar. 

Busuttil qal ukoll li ġaladarba jkun fil-Gvern, se jkun qed jirtira l-garanzija ta' €360 miljun li ta l-Gvern lill-Electrogas għall-bini tal-Power Station. Minflok, Simon Busuttil jgħid li dawn il-flus għandhom jintefqu fi skemi sabiex jiġu mgħejuna  dawk il-persuni, partikolarment żgħażagħ li għandhom l-ideat biex joħolqu l-kumpanija tagħhom. Dwar l-istess power station, Busuttil qal li Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jkun qed jixtri d-dawl minn fejn jaqbillu u mhux se jkun qed jintrabat li jixtri d-dawl mingħand l-Electrogas. Busuttil saħaq li d-dawl se jkun qed jiġi jiswa €95 miljun iktar fis-sena bir-rati tal-Electrogas.

Busuttil, li kien qed jitkellem fil-Parlament bħala reazzjoni għall-Baġit tal-ġimgħa li għaddiet qal ukoll kif fiż-żmien li ġej, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippubblika dokument ġdid dwar il-ħwienet u n-negozji, biex dan ikompli mal-miżuri li kien hemm fil-pre-budget document.

Rigward l-edukazzjoni u l-konġestjoni tat-traffiku, Busuttil qal li l-PN qed jintrabat li jipprovdi trasport b'xejn lejn l-iskejjel għal tfal li jattendu skejjel privati jew tal-Knisja.

Dwar l-ambjent, Simon Busuttil ħabbar li l-PN se jkun qed jippubblika dokument dwar l-ambjent bħala kontinwazzjoni mal-ideat u l-propost maħruġa mill-istess partit fiż-żmien li għadda.

More in Politika