Il-Malta Developers Association (MDA) hija tal-fehma li wara li kienu ppreżentati tibdiliet għal Paceville permezz ta’ masterplan ippreżentat mill-Awtorità tal-Ippjanar, ikun imiss masterplan ieħor għaż-żona ta’ Buġibba u l-Qawra. Dan stqarru mal-ILLUM il-President tal-MDA Sandro Chetcuti, hekk kif din il-gazzetta tinsab informata wkoll li bħalissa qed isir xogħol fuq id-disinni preliminari għal dehra ġdida tal-Pjazza ta’ Buġibba.
Kelliema għall-Ministeru tat-Turiżmu nfurmat lill-ILLUM li dawn id-disinni issa għaddew għand il-Ministeru, se ssir konsultazzjoni mal-entitajiet ikkonċernati u ġaladarba jkunu finalizzati d-disinni, dawn ikunu ppublikati għall-iskrutinju pubbliku.
Intant Chetcuti ġġustifika, l-ħolqien tal-aġenzija Property Malta, mwiegħda fil-baġit li tħabbar it-Tnejn li għadda billi fakkar kif b’dak li qed ikun propost fil-Masterplan għal Paceville, se tiżdied sew id-domanda għall-proprjetajiet minn persuni barranin li jiġu jgħixu Malta fit-tul. “Hemm bżonn li nlaħħqu mad-domanda,” sostna Chetcuti mal-ILLUM, “anke jekk sejrin tajjeb bħalissa. Allaħares nieqfu naħdmu għax sejrin tajjeb bħalissa.”
Intant, Chetcuti spjega kif Property Malta se tkun qed tieħu l-irwol li tippromwovi l-prodott Malti, speċjalment f’dak li jirrigwarda proprjetà ta’ ċerta valur. Huwa temm ifakkar li l-MDA ilha erba’ snin titlob biex issir din il-miżura u qal li għalkemm il-baġit allokat għadu mhux biżżejjed, dan se jkun biss il-bidu ta’ din l-inizjattiva.