Muscat jindika għall-ewwel darba li l-Gvern lest jgħolli l-paga minima
Joseph Muscat isostni li l-Gvern, permezz ta' dan il-baġit, wieġeb għall-għajta biex il-ġid jasal għand kulħadd - Ifakkar kif dan il-Gvern biddel kumpaniji falluti, f'kumpaniji li qed jinvestu
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Prim Ministru Joseph Muscat indika għall-ewwel darba li Gvern Laburista huwa favur żieda fil-paga minima. B'kawtela iżda saħaq li qabel tkun mħabbra żieda hemm bżonn li jkun hemm kunsens dwarha, biex din ma tkunx ta' ħsara għall-ekonomija tal-pajjiż. 'Jekk ma ngħolluhiex aħna, mhu se jgħolliha ħadd il-paga minima," sostna Muscat.
Il-PM Muscat beda d-diskors tiegħu ilejla fil-Parlament, b'risposta għal dak tal-Kap tal-Oppożizzjoni ilberaħ, billi beda jelenka suċċessi u r-riformi tal-Gvern preżenti. Fosthom semma' rriformi dwar l-alkoħol, libertajiet ċivili u anke riformi fil-qasam tas-sewqan, mħabbrin dawn l-aħħar xhur u ġimgħat. Muscat fakkar kif il-Gvern ma beżax jitlef il-voti, meta ħa id-deċiżjoniji li jieġu azzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet.
Filwaqt li semma' bosta miżuri li ħa l-Gvern, f'dan il-baġit u f'baġits preċedenti, Muscat irrimarka dwar id-differenza bejn l-awsterità ta' baġits taħt il-PN, meta kulħadd kien jitkellem dwar kemm ħadlek il-Gvern, għal baġits li jitkellmu dwar kemm se jkun qed jitqassam ġid. "Idejna fuq il-polz tal-poplu," irrimarka Muscat, "il-middle class qed tikber u qed ngħollu lill-foqra. Biddilna d-direzzjoni, daħħalna l-istabilità. Writna Airmalta falluta, Enemalta falluta u qed naħdmu biex inqajjmuhom fuq saqajhom. Minn ekonomija fuq l-għatba ta' riċessjoni għal ekonomija li qed tikber b'6%, qgħad dejjem jogħla għall-inqas rata ta' qgħad fl-istorja ta' pajjiżna, minn downgrade għal l-ewwel upgrade għall-ekonomija ta' pajjiżna f' 20 sena."
"Jekk tridu x-xogħol, hawn aħna," sostna Muscat għad-diżapprovazzjoni tad-Deputati Nazzjonalisti. Huwa sostna li permezz tal-attitudni pro-business tal-Gvern, inħoloq il-ġid, biex illum il-Gvern jista' jipperkola dan il-ġid lil dawk is-saffi tas-soċjetà li kienu se jsibuha impossibbli li jgawdu mit-tkabbir li qed tara Malta. Bejn Cola, żieda supplimetari u żieda fl-In work benefit se jieġu żieda minima ta' €4 fil-ġimgħa li titla' għal €15 fil-ġimgħa. Din kożmetika? Kożmetika, iva għal min ta' €500 żieda fil-ġimgħa lilu nnifsu," sostna Muscat.
Iż-żieda fis-sussidju tal-kirjiet huwa 'l-ewwel pass'
Filwaqt li elenka numru ta' miżuri li ħa l-Gvern fosthom iż-żieda fil-pensjoni ta' diżabilità, ż-żieda tal-pensjoni tal-wens, iddeskriva ż-żieda jew l-irduppjar tas-sussidju fuq il-kirjiet bħala 'l-ewwel pass' f'din il-kwistjoni li qamet fuq l-aġenda politika nazzjonali wara li l-gazzetta ILLUM żvelat proposti ta' Yana Mintoff għal kontrolli fuq kemm jistgħu jiżdiedu l-kirjiet.
Fakkar fit-tnaqqis fit-taxxa ta' 10% lli dawk li lesti jikru lil nies li jikru lil persuni bi dħil baxx, fakkar ukoll kif dan il-Gvern naqqas it-taxxa lil dawk li jiddikjaraw id-dħul tagħhom mill-kirjiet privati.
Semma wkoll il-benefiċċju tal-In Work benefit u kif dawn se jiżdiedu b'aktar minn €560 fis-sena minn dan il-benefiċċju biss. "Kieku hemm Busuttil fil-Gvern familja li gawdiet minn dan il-benefiċċju u oħrajn bħal tal-kera, kieku għadhom qed iħallsu t-taxxa fuq id-dħul tagħhom."
Huma kienu skreditaw ir-rapport tal-Caritas...aħna għamilnieh priorità
Muscat issottolinea d-differenza fil-mod kif dan il-Gvern irreaġixxa għall-rapport tal-Caritas għal mod kif Gvern preċedenti kien irreaġixxa meta kien ippublikat rapport simili. Muscat fakkar kif Gvern Nazzjonalista kien ikkritika r-rapport u kien qal li l-faqar huwa biss perċezzjoni.
Il-PM qal li l-Gvern qed jiġġoeled il-faqar mhux biss permezz ta' miżuri finanzjarji, imma wkoll permezz ta' bidliet leġiżlattivi, fosthom il-liġi tal-koabitazzjoni. "Dan il-Gvern se jwettaq lipġi li ilha tkun diskussa mill-1998," qal Muscat li fakkar kif il-liġi tal-koabitazzjoni qed issir biex tipproteġi lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli.
Muscat elenka s-suċċessi fil-qasam tax-xogħol, iinkluż f'Għawdex u s-suċċessi tal-Gvern fil-qasam tal-edukazzjoni, fosthom bl-istipendji, li ntroduċa dan il-Gvern għall-istudenti li jirrepetu sena. "Żidna 5,000 persuna fi mklassi ġdida ta' qliegħ," fakkar Muscat, filwaqt li elenka wkoll il-miżuri fosthom favur dawk li għandhom stokks u dawk li se jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, u t-tnaqqis fil-boll lil dawk li jgħaddu n-negozju lill-uliedhom.
Gvern Nazzjonalista ntrabat li l-kuntratt tal-Maltco ma jkun ippublikat qatt
Fil-kritika tiegħu lejn il-Partit Nazzjonalista dwar il-kritika li ddur mat-trasparenza Muscat, ilejla fil-Parlament, fakkar kif filwaqt li dan il-Gvern qed jippublika l-kuntratti kollha, Gvern Nazzjonalista kien intrabat li fil-Privatizzazzjoni tal-Lottu il-kuntratt li sat mal-kumpanija privata ma jkun ippublikat qatt.
Muscat fakkar kif Gvern Nazzjonalista kien żamm lura milli jippublika jew intrabat li ma jippublikax partijiet mill-kuntratti li għamel fil-każ tal-privatizzazzjoni tal-Malta International Airport u amke tal-Liquigas.
Il-qasam tal-enerġija
Muscat fakkar kif f'dokument li kien ħareġ il-PN stess jingħad li l-kontijiet m'għandhomx jorħsu iufakkar ukoll kif qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali tal-2013, Busuttil kien saħansitra qal li l-PN kien ikun injorant kieku jaf li seta' jraħħas il-kontijiet u ma raħħashomx. 'Allura int qed tgħid li kont injorant la llum qed tgħid li l-kontijiet għandhom jorħsu?"
It-tanker tal-gass LNG
Il-PM ikkritika l-kampanja tal-PN dwar it-tanker u fakkar illi anke l-UE tesiġi li kull pajjiż irid ikollu faċilità li taħdem bil-gass fil-port, fakkar ukoll kif mis-sena d-dieħla se jibdew deġlin cruises li jopersaw bil-gass, bħalma qed jidħlu vapuri l-Freeport li joeraw bil-gass, "allura, x'nagħmlu ngħidulhom ma jidħlux lil dawn?" jistaqsi Muscat.
Ifakkar fil-Liġi tal-Whistleblower u tal-Finanzjament tal-Partiti
Muscat ammetta li akkużi ta' korruzzjoni qed iwasslu biex "is-suċċessi jiġu mċaqqma." Minkejja dan huwa żied jgħid li "writna pajjiż fejn ma kienx hemm l-għodda li tiġġieled il-korruzzjoni, mbagħad daħħalna laġiżlazzjoni, fosthom dik tal-Whistleblower u dik tal-Finanzjament tal-Partiti.
Dwar din il-kwistjoni iżda Muscat qal li mingħand il-Gvern preżenti in-nies jistennew aħjar imma mingħand il-PN ma jistennewx aħjar.
Il-PM temm id-diskors tiegħu jistaqsi lil min kien qed isegwi; "Lil min se tafda int dwar l-edukazzjoni ta' uliedek? Lil min se tafda biex joħloq ix-xogħol? Biex tikber l-ekonomija? Lil min se tafda biex jieġu ħsieb iż-żgħir? Lil min se tafda biex imexxi lil dan il-pajjiż 'l quddiem?