'Anke f'dak li kxiftu hemm l-iżbalji'

Claudette Buttigieg tgħid li l-kuntratti tas-saħħa li saru kienu 'tad-dilettanti'

Ix-shadow minister għas-saħħa, Claudette Buttigieg iddeskriviet il-kuntratti marbuta mas-saħħa bħala 'tad-dilettanti' u li saru 'ta' kafkaf'. 

Waqt id-diskors tagħha fil-Parlament dwar l-estimi tal-baġit dwar is-saħħa, Buttigieg kienet qed titkellem dwar il-kuntratti li ġew parzjalment ippubblikati dwar is-saħħa, partikolarment dawk relatati mal-Isptar San Luqa u dak ta' Għawdex. Id-deputata Nazzjonalista, waqt li kritikat il-mod kif dan ġie ppubblikat u l-mod u l-għażla tal-paġni li tħallew barra, qalet li anke f'dawk il-paġni u l-partijiet li ġew ippubblikati kien hemm l-iżbalji. Hawnhekk, Buttigieg tikkwota diversi tabelli u tgħid kif lanqas affarijiet sempliċi bħal dawn ma jaqblu ma dak li hemm miktub. 

Żiedet tgħid li anke għall-fini legali, fil-kuntratt hemm numru ta' punti li ma jorbtux, bħal per eżempju listi ta' servizzi offruti li jintemmu b' 'eċċentra' minflok dawn ikunu elenkati kollha.

Għaldaqstant, Buttigieg appellat sabiex il-kuntratti jiġu ppubblikati fl-intier tagħhom u tat parir lill-Ministru tas-Saħħa Chirs Fearne sabiex jiddistakka ruħu minn dawn il-kuntratti.

More in Politika