'Mhux ħiereġ għall-politika biex nagħmel il-pjaċiri...imma biex inwaqqaf il-'fottimenti'

Salvu Mallia, uffiċjalment kandidat tal-PN wara vot unanimu fl-eżekuttiv tal-partit...Busuttil iċempillu u jagħtih l-aħbar personalment hu stess, jilqgħu bil-kliem "Welcome on board Salvu"

Salvu Mallia: APPROVAT
Salvu Mallia: APPROVAT

Inqas minn siegħa wara li kien approvat kandidat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss f'isem il-PN, f'kuntatt li l-illum.com.mt għamlet ma' Salvu Mallia dan ammetta illi minkejja li kien preparat, l-aħbar xorta ġiet bħala 'xokk'. Mallia sostna li "huwa veru illi kont preparat, iżda meta ċempilli Simon Busuttil u għarrafni bid-deċiżjoni tal-PN, kien naqra ta' xokk. Qisha degħxa, għax issa taf li għandek ċerti responsabilitajiet."

Fil-fatt Mallia żvela kif kien il-Kap tal-PN Simon Busuttil innifsu li nfurmah illi kien aċettat bħala kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali, b'mod unanimu. "Welcome on board", kienu l-ewwel kliem ta' Busuttil lill-kandidat il-ġdid tiegħu li se jkun qed jikkontesta it-Tieni Distrett u t-Tnax-il Distrett.

Mistoqsi meta se jibda l-house visits Mallia ma tantx wera' entużjażjmu biex imur iħabbat il-bibien tan-nies. "Ifhem xi ftit ikolli nagħmel, pero jien in-nies jafu x'naħseb. Min irid jivvutali għax jaqbel miegħi, tajjeb. Min le, jista ma jivvutalix." 

Mallia kompla jgħid li "jien mhux dieħel fil-politika biex nagħmel il-pjaċiri, imma biex ma jkunx hemm fottimenti." Mallia sostna li hu totalment kontra sistema ta' nepotiżmu, li jammetti illi ilha teżisti u jallega li llum qed titħaddem fost l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.  

 

 

More in Politika