“Ikun aħjar li naħdmu aktar biex nipprevjenu l-atti kriminali u nnaqqsu n-numru tal-vittmi milli naraw x’wens nistgħu noffrulhom wara,” qal il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela, fil-ftuħ ta’ proċess ta’ konsultazzjoni pubblika maħsuba biex twassal għall-introduzzjoni tal-ewwel Strateġija għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità.
Malta hija wieħed mill-aħħar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li kienu baqgħu mingħajr pjan ta’ din ix-xorta f'dan il-qasam. L-Istrateġija se tkun tkopri l-perjodu ta’ ħames snin bejn l-2017 u l-2021.
L-abbozz tal-istrateġija, bit-tema ‘Ħarsien Aħjar għall-Komunità’, tfassal mill-kriminologa Dr Janice Formosa-Pace u ġie introdotta waqt laqgħa mal-media u mal-partijiet interessati fil-qasam.
Il-Ministru Abela saħaq fuq l-impenn qawwi tal-Gvern li jsaħħaħ is-sigurtà tal-pajjiż u s-sikurezza tal-pubbliku, u ddeskriva dan il-proċess bħala l-bidu ta’ kapitlu ġdid fl-istorja tal-prevenzjoni tal-kriminalità u l-protezzjoni tan-nies f’pajjiżna. Huwa qal li l-metodi tal-kriminalità ma jagħrfux fruntieri u qed jevolvu b’ritmu mgħaġġel, u l-istess irid isir fil-mod kif tiġi affrontata. Il-kriminalità ma nilqgħux għaliha biss bl-azzjonijiet preventivi tal-Pulizija iżda wkoll b’azzjonijiet ħolistiċi li jipprevjenu l-atti kriminali u li jagħtu serħan il-moħħ lin-nies.
“Sal-lum Malta kienet nieqsa minn azzjoni għaqlija u proattiva biex tilqa’ minn qabel u b’mod effikaċi għat-tixrid tal-kriminalità u biex tantiċipa xejriet ġodda ta’ atti kriminali,” qal il-Ministru. “Il-Gvern għaraf li wasal iż-żmien li nieħdu azzjonijiet konkreti sabiex il-poplu jkollu aktar ħarsien. Dan jista’ jitwettaq biss billi entitajiet differenti jingħaqdu flimkien biex ifasslu pjanijiet ċari u speċifiċi biex nindirizzaw il-kriminalità u nnaqqsu r-reċidiviżmu. Flimkien, dawn iridu jkunu l-aġenti tal-bidla u jikkontribwixxu biex nimplimentaw pjanijiet li jwassluna biex jintlaħqu l-għanijiet tagħna.”
L-enfasi tal-abbozz hija fuq li jiġu analizzati r-riskji attwali, u li jittieħed l-impenn neċessarju sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet kemm ta’ dawk li jwettqu r-reati, kif ukoll tal-vittmi u tal-familji rispettivi tagħhom. L-oqsma prijoritarji li fuqhom l-abbozz qed jirrakkomanda azzjoni huma programmi edukattivi fl-iskejjel li jgħallmu lill-istudenti kif jidentifikaw ir-riskji u jfittxu l-għajnuna f’waqtha; it-tfassil ta’ liġi dwar il-ġustizzja u ż-żgħażagħ; preżenza akbar tal-Pulizija fil-komunità, u tisħiħ fl-azzjonijiet tal-pulizija fil-prevenzjoni tal-atti kriminali permezz ta’ analiżi regolari ta’ data u statistika sabiex jiġu identifikati xejriet godda fil-kriminalità; l-identifikazzjoni ta’ familji li huma suxxettibbli aktar minn oħrajn għall-ħajja kriminali, sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tagħhom biex jitbiegħdu mill-kriminalità; tnaqqis fir-reċidiviżmu; u tfassil ta’ miżuri oħrajn ta’ prevenzjoni.
Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ għaddejja sat-30 ta’ Novembru 2016. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mis-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, www.homeaffairs.gov.mt u s-sitwww.konsultazzjoni.gov.mt.