Simon Busuttil jappoġġja l-proposta ta' żieda fil-paga minima

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-proposta tal-'Kampanja Paga Minima Diċenti' hija raġonevoli

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-proposta li l-paga minima tiżdied hija raġonevoli. Busuttil qal dan fi tweet b'reazzjoni għal dak li ġie propost iktar kmieni dalgħodu minn għadd ta' għaqdiet, li nġabru flimkien taħt l-isem ta' 'Kampanja Paga Minima Diċenti'.

L-għaqdiet proponew li l-paga minima togħla b'iktar minn 10.5%, biż-żidiet isiru fuq tliet snin, bir-rata ta' 3.5% fis-sena. Busuttil qal li din il-proposta hija waħda raġonevoli u li ta' min wieħed jappoġġjaha.

Min-naħa tiegħu, il-Partit Demokratiku fi stqarrija qal li jemmen li r-reviżjoni tal-Paga Minima Nazzjonali għandha tibda tiġi studjata bis-serjetà minnufih, sabiex mill-aktar fis jiġu implimentati il-bidliet necessarji sabiex ikollna paga minima nazzjonali ġusta. Il-partit żied jgħid ukoll li jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom "lill-Koalizzjoni ta' Organizazzjonijiet favur Ġustizzja Soċjali vera kif ukoll lill-GWU li qed timbotta biex minnufih nirxuxtaw id-diskussjoni wkoll fuq il-Living Wage."

More in Politika