‘Urġenza estrema’ sabiex titlesta pjazza Tritoni

Jerġgħu jinfetħu d-diskussjonijiet ma’ kumpaniji privati biex jaħdmu bi sħab fuq ir-restawr tal-funtana tat-Tritoni

Sabiex jitlesta r-restawr tal-funtana tat-Tritoni fiż-żmien stipulat qabel iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Valetta 2018, il-Gvern reġa’ fetaħ id-diskussjonijiet ma’ kumpaniji li fil-passat applikaw biex iwettqu x-xogħol, iżda ma ġewx aċċettati.

Dan ġie rrapportat dalgħodu fuq is-Sunday Times, fejn ġie żvelat li fi Frar li għadda, il-kumitat inkarigat mill-kuntratti, iddeċieda li jwaqqaf il-proċess tat-tenders għar-restawr tal-funtana tat-Tritoni li bħalissa tinsab fi stat ta’ abbandun ġmielu. Il-kumapiji li kienu wrew interess fil-proġett tar-ristawr kienu ‘Trident Joint Venture’, ‘Fountain Workshop Limited’ mir-Renju Unit, ‘Fonderia Artistica Ferdinando Marinelli SRL’ mill-Italja u ‘MT. R Contracting Limited’.

Dejjem skont is-Sunday Times, dak iż-żmien il-kumitat kien iddeċieda li ebda waħda minn dawn il-kumpaniji ma’ kienet addattata biex tieħu l-proġett f’idejha. Dak iż-żmien il-Ministeru għall-Infrastruttura kien iddeċieda li għandha terġa’ toħrog sejħa għall-interess sabiex jitwettaq dan ir-restawr tant meħtieġ.

Sa dan it-tant, beda x-xogħol fuq id-daħla tal-Belt, il-foss u l-venda tal-karozzi tal-linja, wara li f’Lulju li għadda kien ġie uffiċjlament preżentat il-proġett, li kien jinkludi fih il-funtana restawrata. Dan il-proġett huwa pjanat li jkun kompletament lest sal-aħħar tal-2017.

B’risposta għal mistoqsijiet li għamlet is-Sunday Times, kelliem mill-ministeru li issa s-sitwazzjoni hija waħda ta’ “urġenza estrema”, sabiex tintlaħaq id-data biex jitlesta l-proġett tad-daħla tal-Belt u pjazza Tritoni.

Għaldaqstant se jerġgħu jinfetħu d-diskussjonijiet mal-kumpaniji li kienu applikaw għall-proġett tar-ristawr biex minnhom tintgħażel waħda biex magħha jibda jsir ir-restawr tal-funtana bi sħab.

Il-kelliem mill-ministeru saħaq li l-ftehim għadu għaddej u huwa mistenni li jiġi ffirmat sax-xahar li ġej, filwaqt li ma ngħatat ebda indikazzjoni ma liema waħda mill-kumpaniji qed isir il-ftehim.

Sabiex jitlesta x-xogħol, il-kuntrattur se jkun mistenni jaħdem 16-il siegħa kuljum, inkluż is-Sibtijiet.

More in Politika