Bejn proposti tajbin u oħrajn fl-arja: Id-dokument tal-PN għall-ħwienet iż-żgħar
Il-PN ippublika dokument b’51 proposta. Xi nhuma dawn il-proposti? Jagħmlu sens? Huma fattibbli jew inkella kliem fl-arja? L-ILLUM tanalizza ftit minnhom
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Partit Nazzjonalista ressaq dokument illi fih qed jipproponi elenku ta’ miżuri mmirati lejn in-negozji żgħar u ħwienet. Id-dokument li fih b’kollox hemm 51 proposta huwa, politikament, immirat biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jressaq lejh faxxa ta’ votanti li huma fil-maġġoranza 1) tradizzjonalment Nazzjonalisti 2) ftit, jekk xejn, ta’ piż fuq il-politiku għax jiffurmaw l-aktar klassi ta’ nies li l-inqas li għandhom bżonn lill-politiku u 3) waħda mill-aktar klassi ekonomikament importanti għall-pajjiż, għax b’mod ġenerali hija fost l-aktar li tħallas taxxa, (u bl-ogħla rata jekk ma tridx).
Naturalment il-PN jaf li bl-idjoma politika spiss użata ta’ dan il-Gvern, jiġifieri li huwa pro-business, qed jitlef l-appoġġ jew mhux qed jikseb biżżejjed appoġġ fost firxa kbira ħafna ta’ votanti li dejjem, jew kważi dejjem, fil-maġġoranza tagħhom appoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Laburista biddel l-immaġini tiegħu biex illum huwa meqjus ħafna iktar aċċettabbli, milli qatt seta’ kien, għal dawk in-nies, l-individwi u familji li ħadu riskju finanzjarju kbir u fetħu negozju, b’ħafna tbatijiet. Imbuttat b’ekonomija b’saħħitha u ottimiżmu ekonomiku li mhux neċessarjament kien previst li se jseħħ taħt Gvern Laburista, il-PN qed isibha doppjament diffiċli li jippenetra f’dan is-settur ta’ votanti kruċjali għalih.
Il-barri u l-qrun: Il-vera weġgħa tal-ħwienet
Filwaqt li d-dokument tal-PN huwa wieħed estensiv ħafna u fih diversi punti u proposti, kif mistenni, iżomm ’il bogħod milli jitratta l-ikbar uġigħ ta’ ras ta’ ħafna negozji żgħar. Dan minħabba illi li tindirizza b’mod dirett il-ferita, tfisser li l-Gvern ikollu jintervjeni fis-suq u llum, kemm il-PL u anke l-PN fil-Gvern, kif rajna fil-kwistjoni tal-kera, joqogħdu ħafna lura milli jintervjenu b’mod dirett fis-suq.
Il-ftuħ ta’ katina partikolari tal-ħwejjeġ kienet bla dubju ta’ xejn bonanza għal konsumatur. Prezzijiet oħros, varjetà akbar u aktar flus fil-but għal nies li forsi sa ftit ilu kienu jaslu biss s’għand dak il-ħanut tar-raħal biex jixtri l-ħwejjeġ. L-istess bonanza ġrat fil-qasam tal-merċa hekk kif katina ta’ supermarket partikolari jingħad li fost l-aktar li tagħmel flus huwa f’pajjiżna. Prezzijiet orħos, varjetà kbira u kollox taħt saqaf wieħed.
Is-suq infetaħ beraħ u sħubija ta’ Malta fl-UE kompla fetħu. Illum kull min irid jitla’ u jġib ix-xogħol minn barra jista’ jagħmel dan b’faċilità ikbar milli kien jagħmel qabel is-sħubija ta’ Malta fl-UE, li fissret daqqa ta’ ħarta kbira lil dawk li jbigħu bl-imnut (wholesalers). Kumment li kien għadda persuna f’dan il-mestier mal-ILLUM, iktar kmieni din is-sena kien spjega kif minn madwar 100 persuna f’dan ix-xogħol, illum hawn biss madwar 10 persuni li jaħdmu bħala wholesalers.
Minkejja kollox huwa xorta pożittiv li dak li kellu jsir qabel ir-referendum ta’ sħubija ta’ Malta fl-UE, qed isir issa. Forsi b’xi mod is-suq tal-ħwienet iż-żgħar li xorta għadu kbir ħafna u li minnu jiddependu mijiet ta’ familji, isalva.
Min jegħreq id-demm u min jikser il-liġi
Proposta ferm pożittiva fid-dokument tal-PN hija dik li jekk elett fil-Gvern, se jsaħħaħ ir-regolamenti u jinvesti fi strutturi ta’ infurzar biex ‘operaturi mingħajr liċenzja jew li ma jkunux qed joperaw skont il-liġi jkunu mwaqqfin milli joperaw.’
Matul l-aħħar ġimgħat u xhur din il-gazzetta nnotat diversi kiosks u gabbani, speċjalment f’Buġibba u Tas-Sliema, li f’daqqa waħda ħadu spazju ta’ parkeġġ u bdew ibigħu l-ġelati u x-xorb. Din il-gazzetta l-ewwel ċemplet lill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, li informawna li rridu nċemplu lid-Dipartiment tal-Kummerċ. Id-Dipartiment tal-Kummerċ informa lill-ġurnalista ta’ din il-gazzetta biex tiftaħ rapport fil-konfront tal-kiosk jew il-gabbana, in kwistjoni jew inkella li biex jirrispondu lil din il-gazzetta riedu l-isem tal-kiosk (kif jaf kulħadd l-ebda waħda mill-gabbani, la f’Tas-Sliema u lanqas Buġibba, ma kellhom isem).
Din il-gazzetta tinsab infurmata li din is-sitwazzjoni irrabjat mhux ftit lil numru ta’ negozji, speċjalment fil-Pjazza ta’ Buġibba, li dan is-Sajf kellhom jikkompetu ma’ operaturi illi għadu sal-lum mhux ċar jekk għandhomx liċenzja jew inkella jekk hux qed joperaw fil-konfini tal-liġi.
Huwa pożittiv li l-PN qed jipproponi li jindirizza din il-lakuna.
L-aqwa ċertifikat għall-miżura ‘Laburista’ ta’ child care b’xejn
Fid-dokument tiegħu l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li jizviluppa jew iħajjar lill-privat biex jiżviluppa ċentri ta’ ‘child care’ f’żoni kummerċjali. Bħala kunċett il-PN qiegħed, permezz ta’ din il-miżura, jagħti l-aħjar ċertifikat lil miżura ‘Laburista’ ta’ child care b’xejn, li mhux biss kienet milqugħa tajjeb minn setturi differenti iżda li ħalliet il-frott ekonomiku mixtieq.
Huwa pożittiv li l-PN qed jipproponi li jibni aktar fuq dak li beda dan il-Gvern billi wkoll jiftaħ iċ-child care f’żoni kummerċjali għall-impjegati rġiel li jaħdmu f’dan is-settur, anke jekk fir-realtà hemm predominanza ċara ta’ impjegati femminili li jaħdmu f’dan is-settur.
Ħaddem sew u nħallsek
Miżura importanti fid-dokument tal-PN u li żvelat din il-gazzetta nhar il=Ħadd li għadda hija dik illi l-PN qed jipproponi li jħallas għotja u jagħti inċentiv lil kull negozju li jħaddem persuna ġdida fil-ħanut tiegħu jew tagħha. Din il-miżura timmarka bidla radikali u forsi anke strateġika mill-attitudni li ħa l-PN l-aħħar li kien fil-Gvern lejn il-prekarjat, anke f’dan il-qasam.
Is-salesgirls u l-persuni li xogħolhom huwa wara l-bank ilhom jitħallsu pagi li huma jew taħt il-minimu permessibbli bil-liġi, jew inkella eżatt mal-istess minimu. Pagi fil-ħwienet għal sales assistants, rari jekk qatt jaqbżu l-€5.50 fis-siegħa u ġieli kienu jduru mat-€3.75, li mhux rata li tirrispetta l-liġi.
Minkejja li fil-Gvern il-PN ftit li xejn għamel biex jirrispondi għal din ir-realtà huwa pożittiv li permezz ta’ din il-miżura qed jipproponi li l-abbuż u l-prekarjat ikun żvantaġġjat, hekk kif il-benefiċċjarji kollha jeħtieġ ikunu konformi mal-liġi.
L-‘imma’ ta’ din il-miżura...
Għalkemm il-miżura hija pożittiva, innovattiva u tista’ tkun xprun biex jinħoloq aktar xogħol, hemm ‘imma’ kbira. Kollox se jorbot mal-andament tan-negozji ż-żgħar. Biex sid jibbenifika minn din il-miżura jeħtieġ ikun f’qagħda tajba biżżejjed biex iħallas il-paga u l-ispejjeż marbutin mal-impjegat, lil hinn mill-għotjiet u l-krediti fit-taxxa.
Fin-nuqqas ta’ informazzjoni u statistika mmirata biss lejn negozji żgħar li jħaddmu inqas minn 10 minn nies, huwa possibbli li minkejja l-pożittività ta’ miżuri bħal dawn il-marġini żgħar ħafna tal-profitt bi prospett limitat ta’ tkabbir, jillimitaw bil-qawwi l-aċċess għalihom. Apparti minn hekk, in-nuqqas ta’ data speċifika għal negozji żgħar ikun ifisser li l-Gvern ikollu stampa qarrieqa u mhux wiesà jew estensiva biżżejjed biex jieħu dawk id-deċiżjonijiet li jistgħu jolqtu mijiet ta’ negozji żgħar pożittivament.
‘Imma’ kbira oħra huwa l-kapital uman. Jiġifieri l-limiti fir-riżorsa umana jew kemm ħanut se jsib biżżejjed nies li lesti jaħdmu f’dan l-impjieg b’mod full time u li jkunu lesti li jieħdu taħriġ, kif qed jipproponi d-dokument.
Trid issir salesgirl? Teħtieġ ċertifikat...
Minkejja li l-attenzjoni kienet kważi esklussivament fuq il-miżuri li qed jipproponi l-PN u li jirrigwardaw il-but, waħda mill-aħjar proposti fid-dokument hija dik li tinħoloq Akkademja Internazzjonali tar-Retail. Il-proposta tgħid li għandu jinbena tim ma’ professjonisti u esperti f’dan il-qasam biex din l-akkademja tkun parti mill-programmi li toffri l-MCAST. Fost il-korsijiet li qed ikunu proposti mill-PN hemm, Il-Qasam tar-Retail Intraprenditorjali, ‘marketing’ integrat għall-ħwienet, korsijiet għal assistenti f’operazzjonijiet u taħriġ għal mod ta’ kif sid jista’ jagħmel bidla fl-operat tan-negozju.
Nistudja biex insib xogħol bil-paga minima? No way!
Il-PN qiegħed hawnhekk jipproponi dak li l-Gvern Laburista preżenti ilu jisħaq li għandu jiġri fis-settur turistiku, jiġifieri li impjieg f’dan il-qasam jibda jkun meqjus karriera, mhux aktar xogħol temporanju. Il-forzi tas-suq jibqgħu dejjem rilevanti mmens iżda, hekk kif ħafna nies, minkejja kull proposta, ikunu lesti biss li jispeċjalizzaw f’qasam jew jistudjawh jekk jafu li wara se jkun hemm ritorn ġust u xieraq. Ftit se jkunu dawk li se jqattgħu sena jew aktar jistudjaw biex isibu xogħol li jħallashom ftit iktar mill-paga minima.
Iktar minn hekk, ikun aħjar li fil-fatt il-PN, kieku fil-gvern, minflok joħloq entità separata, jibni fuq dak li diġà jeżisti fil-preżent. Is-settur tal-bejgħ għandu ħafna xebh u huwa mibni fuq il-kolonna tar-relazzjonijiet mal-konsumatur bħat-turiżmu. Allura minflok akkademja ġdida, għaliex ma ngħaqdux ir-riżorsi diġà eżistenti fl-ITS u nżidu korsijiet ġodda li jikkumplimentawhom? Għaliex ma nbiddlux l-ITS f’ċentru li minnu joħroġ kull min jaspira li jaħdem fil-qasam tas-servizz, minflok nifframmentaw suq li diġà huwa żgħir?
Pulmuni ‘ħodor’ f’ċentri kummerċjali
Bla dubju proposta tajba hija dik li jinħolqu ‘pulmuni ħodor f’żoni kummerċjali’. Imma kemm hi prattika fir-realtà? Jekk inħarsu lejn Tas-Sliema, il-Ħamrun, Raħal Ġdid, Birkirkara, il-Belt u anke l-Fgura ssib li postijiet fejn toħloq dawn il-‘pulmuni ħodor’ jew huma limitati ħafna jew inkella diġà ġew mibdulin f’ġonna li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-kunsill/Gvern (Fra Diegu, Ħamrun, Raħal Ġdid wara l-Knisja u l-Barrakka l-Belt Valletta) jew inkella lanqas jeżistu.
Jiġifieri, sakemm din il-proposta ma saritx biex ngħidu għamilna proposta ambjentali, kien ikun aħjar kieku l-PN speċifika f’liema lokalitajiet u żoni kummerċjali diġà eżistenti qed jara li jista’ jwettaq din il-proposta.
Il-monti: Kliem sabiħ ...
Il-PN fid-dokument li ppreżenta għamel diversi proposti dwar dawk li joperaw fil-monti. Jekk taqta r-retorika ssib li l-aħjar proposti huma dawk biex kull monti jkollu karatteristika unika u li jsir kodiċi ta’ kondotta għall-bejjiegħa. X’inhu u fuq liema bażi se jinbena dan il-kodiċi u għaliex il-PN iħoss li għandu jagħmlu, mhux ċar. Lanqas huwa elenkat fid-dokument x’qed jifhem eżatt b’’karatteristika unika għal kull monti l-PN.
Restawr u bejgħ
Proposta interesanti fid-dokument titratta skema ta’ rati ta’ kirjiet preferenzjali għal dawk li lesti jirrestawraw jew jirriġeneraw binjiet storiċi u skedati, biex jiftħu negozju partikolari b’kunċetti partikolari jew inkella biex jinbiegħu prodotti artiġjanali.
Hija pproposta pożittiva għax tista’ taċċellera l-mixja li qabad il-pajjiż f’dak kollu li jirrigwarda riġenerazzjoni, apparti li tkompli ssaħħaħ ċentri kummerċjali, speċjalment fil-Belt Valletta. Pożittiv ukoll huwa li l-PN qed jipproponi tnaqqis tat-taxxa meta tinxtara proprjetà f’żoni li l-istess dokument qed jgħid li għandhom ikunu riġenerati.
Tajba ... imma kif?
Punt ieħor pożittiv fid-dokument huwa dak li qed jipproponi aċċessibilità aħjar għaż-żona kummerċjali mill-cruise liner terminal fil-Belt. Pożittiv fil-kunċett, imma għal darb’oħra dawn it-turisti diġà huma fornuti b’xarabank li tgħaddi minn hemm u ddur mal-Belt Valletta, karozzini, linja twila ta’ taxis li jieħdu lill-passiġġieri madwar il-Belt jew il-pajjiż u saħansitra ‘lift’ li jieħdok sal-Barakka ta’ Fuq.
Jiġifieri, għal darb’oħra din il-proposta jeħtieġ tkun ‘imlaħħma’ aktar. Kif se tkun imtejba l-aċċessibilità? B’titjib ta’ mezzi eżistenti? Jew il-ħolqien ta’ mezzi ġodda?
Inraħħsu d-dawl u l-ilma.....
Id-dokument jgħid hekk: ‘Inraħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma minn dak li l-pajjiż jiffranka mill-interconnector, minflok mill-Power Station tal-Electrogas..”
Il-ħwienet iż-żgħar ftit jimpurtahom minn fejn se jkun ġej it-traħħis, speċjalment dawk li ħassew sew l-għoli fil-kontijiet fl-aħħar leġiżlatura tal-Gvern Nazzjonalista. Jimpurtahom l-aktar li l-kont jorħos u taħt dan il-Gvern il-kont tad-dawl tagħhom raħas b’25%.
Il-proposta tal-PN hija pożittiva, imma dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma dan il-partit, li kien qal li impossibbli traħħas il-kontijiet ftit tax-xhur ilu biss, mhux kredibbli.
Tnaqqis fit-taxxa tad-dħul fuq l-ewwel €50,000...
Naturalment l-aktar miżura mill-51 li l-PN tkellem dwarha kienet dik li Gvern prospettiv Nazzjonalista jnaqqas it-taxxa tad-dħul għal 10% fuq l-ewwel €50,000 tal-profitt operattiv lil kull negozju. Id-dokument jgħid li l-iffrankar se jvarja minn €3,595 sa’ €12,500, skont jekk toperax waħdek jew inkella jekk toperax bħala kumpanija reġistrata.
Il-miżura hija pożittiva u definittivament magħmula biex tressaq lejn il-PN aktar voti. L-iżball tattiku tal-PN kien li miżura bħal din, meqjusa bħala vote catcher, kellha tkun żvelata ftit qabel l-elezzjoni ġenerali u mhux sena jew aktar qabel. Naturalment b’dan id-dokument f’idejh il-Gvern Laburista jkun qed jiblieh jekk ma jarax kif se jwettaq jew joħroġ bi proposti aħjar mill-PN f’dan il-qasam.