Il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja ħarġet position paper illi fiha rrimarkat kif fil-pjan kollu relatat ma' Paceville, l-Awtorità tal-Ippjanar "naqset milli tikkonsulta mar-residenti." Aktar minn hekk l-istess Kummissjoni sostniet li tħoss li l-għan ewlieni wara dan il-Masterplan huwa "l-iżvilupp bla rażan a skapitu tal-interessi tar-residenti u taċ-ċittadin komuni. Dan jidher mill-fatt li xi żviluppaturi xorta waħda jippreferu li l-pjan ikun flessibbli biżżejjed biex ikunu jistgħu jibnu fejn ikollhom iċ-ċans."
"Għaldaqstatn", tkompli tgħid il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja "il-pjan għandu jiġi rivedut, u jingħata widen għal dak li għandhom xi jgħidu l-membri ta’ din il-komunità, għax il-kwalità tal-ħajja tagħhom għandu jkollu prijorità assoluta. Il-KA jidhrilha," tkompli l-istqarrija f'dik li jidher li hija referenza għal strip clubs, "li r-reputazzjoni li qed jieħu Paceville minħabba l-ġeneru ta’ servizzi li qed joffru ċerti stabbilimenti mhijiex tajba u żgur mhix tgħin biex ikun hemm high-quality branding tal-lokal."
Il-Kummissjoni Ambjent qed tippoponi li jsir studju għad-domanda u l-provvista tal-proprjetà f'pajjiżna, kif ukoll riforma fil-mod kif l-artijiet art pubblika tinkera, tingħata b’ċens jew tgħaddi lil terzi persuni. Il-KA qed tipproponi wkoll li l-qliegħ minn dan l-iżvilupp jmur għall-infrastruttura tal-post kif ukoll għall-esproproprijazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri fintervista mal-gazzetta ILLUM kienet saħqet u fakkret illi fil-masterplan xejn għadu mhux finali u li l-proċess kif inhu bħalissa għadu wieħed konsultattiv, bil-masterplan terġa' tmur lura għall-bidlġet wara l-ilmenti tal-pubbliku u wara terġa' tkun pubblikata bil-bidliet proposti. Schembri fakkret kif wara jerġa' jinfetaħ il-proċess ta' konsultazzjoni mill-ġdid.