‘Mur għand il-Pulizija kif inhu dmirek’

'Int bħala CEO għandek biżżejjed provi prima facie biex tressaq l-allegazzjonijiet serji lill-Pulizija kif wara kollox huwa d-dover tiegħek,' - Evarist Bartolo

Il-Ministru tax-Xogħol u Edukazzjoni Evarist Bartolo ċaħad bil-qawwa l-akkużi fil-konfront tiegħu mill-eks Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada Philip Rizzo, li kif kienet żvelat il-gazzetta MaltaToday, irreżenja wara li allega korruzzjoni fil-mod kif kienu qed joħorġu d-direct orders. Fiċ-ċentru tal-allegazzjonijiet hemm Edward Caruana, il-kanvażer u person of trust tal-Ministru Bartolo kif ukoll ħuh, Joseph Caruana, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru li jmexxi Bartolo. Rizzo, fl-ittra tar-riżenja tiegħu, qed jakkuża lil Bartolo li prova jiskoraġġih milli jirraporta lil Caruana lill-Pulizija.

“Ilu jaf ir-raġunijiet mill-aħħar ġimgħa t’April 2016 u ripetutament prova jiskoraġġini milli jifformalizza numru ta’ nuqqasijiet, imwettqin primarjament minn xi ħadd mill-familja tiegħek,” jgħid Rizzo fl-ittra tar-riżenja lil Joseph Caruana.

“Assolutament gidba totali u assolutament mhu vera xejn,” kienet ir-reazzjoni ta’ Evarist Bartolo li skont korrispondenza li għandha f’idejha l-ILLUM f’email li bagħat nhar l-1 ta’ Settembru 2016 lil Rizzo, il-Ministru sostna li l-eks CEO tal-Fondazzjoni għandu jmur għand il-Pulizija. “Int bħala CEO għandek biżżejjed provi prima facie biex tressaq l-allegazzjonijiet serji lill-Pulizija kif wara kollox huwa d-dover tiegħek. Żommni informat.”

Edward Caruana ried li l-Fondazzjoni tidher f’dawl ikrah

Fil-fatt, il-Pulizija bħalissa qed tinvestiga l-allegazzjonijiet ta’ Rizzo li kien ukoll iltaqa’ mal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-każ. Fl-email, Bartolo jgħid li hu kien bagħat għal persuna, li isimha ma jidhirx fl-email li wasal għand din il-gazzetta, u staqsieha dwar l-allegazzjonijiet li għamel Rizzo. Din il-persuna, skont l-email tal-Ministru, ċaħdet l-allegazzjonijiet ta’ Rizzo għalkemm ikkonfermat li, “Edward Caruana qallu biex imexxi x-xogħlijiet bil-mod fuq l-iskola tas-Swatar, biex ix-xogħol ma jkunx lest fil-ħin u b’hekk l-FTS tidher f’dawl ikrah.”

F’kuntatt mal-ILLUM, il-Ministru Bartolo sostna li hu ma ndaħal fl-ebda ħin u li dejjem bagħat lil Rizzo għand il-Pulizija meta ffaċċjah b’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-proċess ta’ għoti ta’ direct orders. Hu kien akkużat minn Rizzo fl-ittra tar-riżenja li ppubblika l-Ministru Bartolo

F’email li ntbagħtet fl-1 ta’ Settembru wkoll lil Rizzo, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, Emmanuel Camilleri tkellem fuq l-istess linja tal-Ministru. Huwa informa lil Rizzo li “m’għandux għażla oħra ħlief li jieħu l-azzjoni neċessarja biex tipproteġi l-interessi tal-Ministeru, partikolarment tal-FTS.”

Filwaqt li Rizzo jgħid li hu daħħal sistema trasparenti u ġusta fil-Fondazzjoni, jgħid fl-ittra tiegħu ukoll li l-affarijiet laħqu limitu għalih meta Camilleri, li kien għadu kif ġie appuntat, ma laqax it-talba li l-bord tal-FTS isejjaħ għal investigazzjoni fin-nuqqasijiet li kienu għadhom kif inkixfu mill-maniġment tal-Fondazzjoni.

Il-Ministru Bartolo wieġeb bil-qawwi u filwaqt li reġa’ nnega, qal ukoll li Rizzo ngħata l-indipendenza kollha meħtieġa biex jopera kif xtaq hu u fakkru wkoll li ma kellux għalfejn jistenna approvazzjoni diretta jew indiretta biex jagħmel rapport lill-Pulizija. Fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, il-Ministru Bartolo sostna li qed iħossu “dispjaċut u tradut”, bl-allegazzjonijietli saru fuqu u li “ħadt il-passi mill-ewwel billi ordnajt inkjesta interna u rrapurtajt l-allegazzjonijiet kollha lill-Pulizija.

More in Politika