Reat: Li l-Pulizija jindika liema avukat ikollok waqt l-interrogazzjoni

L-avukat jista’ biss isegwi l-interrogazzjoni...

Il-Pulizija ma jistax jipproponilek avukat, imma l-avukat ma jistax jostakola xogħol il-pulizija
Il-Pulizija ma jistax jipproponilek avukat, imma l-avukat ma jistax jostakola xogħol il-pulizija

Minn din il-ġimgħa, daħlu fis-seħħ emendi u bidliet fil-Kodiċi Kriminali li se jfissru d-dritt li kull min se jiġi interrogat, ikollu avukat waqt l-istess interrogazzjoni. Minkejja dan, il-liġi tagħmilha ċara wkoll li l-Pulizija jwettaq reat kemm-il darba jipprova jindika avukat partikolari lill-persuna li jkun se jinterroga. Fil-fatt, il-liġi kif emendata issa u li bdiet tapplika minn din il-ġimgħa, tagħmilha ċara li “kwalunkwe uffiċjal tal-Pulizija li jindika jew jagħmel tentattiv biex jindika lill-persuna miżmuma, l-avukat jew il-prokuratur legali li għandu jkun ingaġġat waqt id-detenzjoni tagħha, ikun ħati ta’ reat.”

Iktar minn hekk, il-liġi tgħid li d-dritt tal-avukat “m’għandux jinfthiem bħala dritt tal-avukat li jostakola l-interrogazzjoni.” Ma’ din il-gazzetta, il-President tal-Police Officers Union (POU) l-Ispettur Sandro Camilleri staqsa xi jfisser eżatt meta l-liġi tgħid li l-avukat m’għandux jostakola. “Din il-parti mhix ċara u allura l-pulizija mhumiex infurmati dwar meta u f’liema punt l-avukat tal-parti li qed tiġi interrogata jista’ jintervjeni.”

Franco Debono    |    Sandro Camilleri
Franco Debono | Sandro Camilleri

L-ILLUM għamlet kuntatt mal-konsulent tal-Prim Ministru dwar ir-Riforma tal-Ġustizzja Franco Debono, li ċċara li bil-liġi kif inhi issa, l-avukat għandu jkun preżenti, għandu d-dritt li jieħu rekords ta’ dak li jkun qed iseħħ waqt l-interrogazzjoni imma m’għandux dritt li jindaħal fil-ħidma tal-pulizija waqt li din tkun qed tinterroga.

Fil-fatt, dawn il-kummenti huma mera eżatta tal-mozzjoni li ressaq l-istess Debono fit-12 ta’ Ġunju 2012 u li dwar dan il-punt partikolari kienet tgħid hekk: “Jien nemmen li l-preżenza tal-avukat waqt l-interrogazzjoni għandha tkun preżenza passiva. Jien ma naqbilx li l-avukat għandu joqgħod jintervjeni, jagħmel id-domandi hu...għandu jkun preżenti biss biex jassigura li l-proċeduri jimxu skont il-liġi.” 

Il-liġi li daħħal il-Gvern preżenti se tallinea lil pajjiżna ma’ dak li titlob il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li f’każi separati iddikjarat li persuni kellhom id-drittijiet tagħhom  miksura meta ma kellhomx avukat waqt l-interrogazzjoni. Sa din il-ġimgħa stess, fil-Qorti Maltija, il-Maġistrat Neville Camilleri issospenda każ kontra raġel Taljan akkużat bit-traffikar tad-droga wara li rriżulta li dan ma kellux avukat jew assistenza legali waqt l-interrogazzjoni.

Il-Pulizija trid tagħti lista ta’ avukati

Il-Liġi tispeċifika kif malli l-persuna arrestata titlob għall-assistenza legali, il-Pulizija jkollhom l-obbligu li jfornu lill-istess persuna b’lista ta’ avukati mfassla mill-Kamra tal-Avukati u mill-Kamra tal-Prokuraturi. Naturalment, u minħabba kwistjonijiet ta’ prattiċità, kif iffakkar Debono mal-ILLUM, ħafna mis-suspettati jkollhom l-avukat tagħhom, u allura dan il-proċess ma jkunx meħtieġ.

Sa’ siegħa qabel: Tkun infurmat bl-allegat reat

Il-liġi li għadha kif ġiet introdotta, tagħmilha ċara wkoll li sa mhux inqas minn siegħa qabel, is-suspettat jeħtieġ ikun infurmat bl-allegat reat u dan ikollu wkoll id-dritt li jiltaqa’ u jikkomunika “fil-privat mal-avukat li jirrapreżentah.”

Il-Pulizija tiddeċiedi jekk l-interogazzjoni tkunx rekordjata

Il-liġi taċċerta li d-dritt tal-persuna li se tkun interrogata jkunu salvagwardjati, fil-fatt titlob li t-tweġibiet kollha li jingħataw waqt l-interrogazzjoni u l-proċeduri relatati mal-interogazzjoni għandhom, “fejn fl-opinjoni tal-intervistatur hu possibbli, ikunu rekordjati b’mezzi awdjoviżwali.”

Dan il-punt ukoll kien sar fil-mozzjoni mressqa minn Debono lura f’Ġunju 2012

Mhux fl-interogazzjoni biss...

Intant l-avukat qed jingħata d-dritt li jkun preżenti mhux biss għall-interrogazzjoni, imma wkoll meta jittellgħu numru ta’ persuni suspettati, f’każ ta’ konfrontazzjonijiet u f’każ ukoll ta’ rikostruzzjoni tax-xena tad-delitt.

‘Il-Pulizija fil-għama dwar il-bidliet’

Ma’ din il-gazzetta, Sandro Camilleri għamilha ċara li l-POU hija favur il-bidliet li daħlu fis-seħħ iżda qal ukoll li l-pulizija tħallew fid-dlam dwarhom. “Din hija bidla radikali u filwaqt li aħna naqblu magħha, inħossu wkoll li kollox ġie introdott f’daqqa mingħajr l-informazzjoni neċessarja f’idejn il-membri tal-korp biex ikunu jafu kif se titħaddem. Kulħadd tħalla fid-dlam dwar dawn il-bidliet,” sostna Camilleri ma’ din il-gazzetta.

More in Politika