"Il-Mulej iżomm idejh fuqna u fuq uliedna." Hekk spiċċat ittra miktuba minn immigrant Niġerjan li ilu jgħix Malta seba' snin u li rċieva l-aħbar li s-sieħba tiegħu u wliedu se jkunu ddeportati minn Malta. "X'se jiġri minn uliedi la m'għandniex id-dokumentazzjoni biex inkunu nistgħu naħdmu f'Malta? Kif jista' l-Kummissarju tar-Refuġjati jibgħat ittri lit-tfal biex jipproduċu passaport meta dawn twieldu Malta? Jien u l-partner tiegħi ġejna min-Niġerja u wliedi twieldu Malta, ilna nħallsu bolla għal seba' snin, qatt ma gawdejna minn benefiċċji imma qatt ma gergirna. X'se jkun id-destin ta' uliedi innoċenti li twieldu Malta?" temm jistaqsi dan il-missier immigrant Niġerjan.
Il-Gvern u speċifikament il-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela diġà qalu li l-Gvern mhu se jiddeporta l-ebda tfal, għalkemm xorta sostna li dawk l-adulti li skadhielhom il-Permess għall-Protezzjoni Temporanja (THP-n) għandhom ikunu deportati.
Din l-ittra, flimkien ma' appelli diversi oħrajn kienu l-kaġun li bosta akkademiċi, 155 b'kollox, bagħtu ittra lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali jistaqsuhom biex ireġġgħu lura d-deċiżjoni tal-Gvern li jiddeportaw lura lil 24 immigrant.
Fl-ittra li bagħtu dawn l-akkademiċi, ifakkru li deportazzjoni jkollha effetti soċjali, etiċi u ekonomiċi negattivi mhux biss fuq l-immigranti nfushom iżda wkoll fuq pajjiżna. Huma jisħqu li t-twemmin tagħhom huwa li soċjetà demokratika u inklussiva ma tista' qatt tiddeporta nies fuq bażi ta' irregolarità legali.
L-akkademiċi jisħqu li l-bżonn li Malta tkun mgħejuna m'għandux jikkontradixxi l-bżonn li Malta tospita u tipproteġi lil dawk li jistgħu jkunu fil-periklu. Jisħqu wkoll li deportazzjoni tista' tfisser li l-Gvern Malti jitlef il-kredibilità, anke f'istituzzjonijiet Ewropej.
Dawk li ffirmaw l-ittra saħqu li huma lesti li jikkoperaw mal-Gvern biex jinstabu modi aktar kreattivi u inklussivi għall-immigranti milqutin mid-deċiżjoni ta' deportazzjoni.