Se tixtri dar antika? Sa €100,000 f’għajnuna biex tirrestawraha

L-awtorità toffri soljev u soluzzjoni għar-riġenerazzjoni ta’ djar antiki

Skema biex ikunu restawrati djar antiki
Skema biex ikunu restawrati djar antiki

Wara li l-Gvern ħabbar serje ta’ miżuri fil-baġit li għadda, l-Awtorita’ tal-Ippjanar nediet skema ta’ għotja – Irrestawra Darek – sabiex tassisti aktar fir-riġenerazzjoni tal-qalba ta’ l-iruħla. Permezz ta’ din l-iskema l-Awtorita’ qed tfittex li tippromwovi l-investiment fir-restawr, konservazzjoni u manutenzjoni ta’ proprjetajiet residenzjali privati li jinsabu ġewwa ż-żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA) u binjiet skedati fi Grad 1 u Grad 2.

Taħt din l-iskema, first-time buyers ta’ binjiet residenzjali skedati fi Grad 1 u Grad 2, jistgħu japplikaw għar-rifużjoni ta’ 70% tal-ispejjeż tax-xogħol tar-restawr u konservazzjoni fuq il-faċċata u l-intern eliġibli sa massimu ta’ €100,000. Minn naħa l-oħra first-time buyers ta’ binjiet residenzjali li jinsabu ġewwa żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA) jistgħu japplikaw għar-rifużjoni sa massimu ta’ €10,000.

L-iskema hi miftuħa wkoll għal proprjetarji ta’ residenzi privati li jinsabu ġewwa żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA), li jixtiequ jagħmlu xogħol ta’ restawr u manutenzjoni fuq il-faċċata tal-binja antika tagħhom. Proprjetarji ta’ dawn it-tip ta’ residenzi jistgħu japplikaw għal rifużjoni ta’ 70% fuq ix-xogħlijiet, sa massimu ta’ €10,000. Fir-rigward ta’ binjiet skedati fi Grad 1 jew Grad 2, l-iskema ta’ għotja tipprovdi rifużjoni sa mhux aktar minn massimu ta’ €100,000.

Sabiex residenti jkunu aktar inċentivati li jieħdu l-opportunita’ li jirrestawraw il-faċċata tal-propjeta’ antika tagħhom, l-Awtorita’ tal-Ippjanar laħqet ftehim mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex kull kunsill lokali jagħmel għad-dispożizzjoni s-servizzi professjonali ta’ perit intiz fil-konservazzjoni ġewwa l-lokalita’. L-Awtorita’ qablet dwar capping u se trod lura lill-kunsilli lokali l-ispejjeż li ntefqu minfuqa mill-kunsill biex jassistu lir-residenti fis-sottomissjoni ta’ applikazzjoni ta’ żvilupp relatata ma’ din l-iskema. L-Assoċjazzjoni qablet ukoll li tirrinunzja għal kwalunkwe spejjeż ta’ ħlas li suppost jingħataw lill-Kunsill Lokali għal tqiegħid ta’ armar relatat ma’ dawn ix-xogħlijiet għal perjodu ta’ 3 xhur.

Din l-iskema, li ser tibda’ mis-16 ta’ Jannar 2017, ser tkun disponibbli sa massimu ta’ €8 miljuni fuq bażi first come first served sat-30 ta’ April 2017. Ix-xogħlijiet irid ikollhom permess ta’ żvilupp u jridu jibdew wara l-1 ta’ Jannar 2017. Ikun hemm bżonn l-irċevuti fiskali.

L-Awtorita’ nidiet ukoll Fond tal-Ippjanar ġdid li ser jikkonsolida l-fondi eżistenti kollha li jinkludu l-Fond għar-Riġenerazzjoni Urbana (UIF) u l-Iskema tal-Ħlas tal-Parkeġġ għas-Sewwieqa (CPPS) li jinġabru minn permessi taż-żvilupp u jkunu disponibbli għal proġetti li ser jitwettqu ġewwa l-komunita’. Il-Fond tal-Ippjanar ġdid ser jingħata wkoll żieda ta’ €13 il-miljun mill-miżati ġġenerati mill-Awtorita’ mill-proċess tar-Regolarizzazzjoni.

L-għan ta’ dan il-fond il-ġdid hu li jwessa’ l-iskop tiegħu u għalhekk tingħata aktar flessibilta’ għal liema proġetti jikkwalifikaw għal fondi. Barra minn hekk, il-Fond mhux ser ikun restritt għall-kunsilli lokali biss iżda ser ikunu jistgħu japplikaw għal fondi, permezz tal-kunsill lokali, entitajiet tal-ġvern, NGOs u s-settur privat ukoll.

Sabiex jippromwovi koperazzjoni aħjar u jkun introdott frankar fi spejjeż minħabba l-introduzzjoni ta’ economies of scale, l-Awtorita’ qed tinkoraġġixxi kunsilli lokali biex jippreżentaw proposti ta’ proġetti fuq livell reġjonali. Dawn il-proġetti ser jibbenefikaw minn 100% tal-finanzjament filwaqt li proġetti minn kunsilli lokali ndividwali ser jirċievu sa 70% tal-ispejjeż.

Il-fondi taż-żewgt inizjattivi huma disponibbli mill-Awtorita’ mill-miżati li tiġġenera mill-proċess tal-applikazzjoni tar-regolarizzazzjoni. Il-proċess tal-applikazzjoni tar-regolarizzazzjoni tipprovdi proprjetarji b’opportunita’ ta’ darba li jirregolarizzaw żvilupp eżistenti li ma jistax ikun sanzjonat u mhux konformi, li jinsab ġewwa l-konfini tal-iżvilupp.

 

More in Politika