L-allegat bini abbużiv fuq blokka tal-Gvern taħt investigazzjoni

Il-Housing qed tinvestiga allegat każ ta’ abbuż żvelat din il-ġimgħa minn Anna Mallia

Allegazzjonijiet ta’ abbuż fi blokkok tal-Gvern iwasslu għal investigazzjonijiet mill-Awtorità tad-Djar
Allegazzjonijiet ta’ abbuż fi blokkok tal-Gvern iwasslu għal investigazzjonijiet mill-Awtorità tad-Djar

Rapport li deher fuq is-sit illum.com.mt u li silet partijiet minn artiklu miktub mill-Avukat Anna Mallia, qajjem reazzjoni qawwija mill-pubbliku u wassal biex l-Awtorità tad-Djar tibda investigazzjoni dwar allegat abbuż fuq proprjetà tal-Gvern, fejn persuna partikolari mhux talli kriet l-appartament tal-Gvern, talli bniet penthouse fuq il-bejt tal-istess proprjetà li jirriżulta li hi blokk ta’ appartamenti.

Apparti li kkonferma li għaddejja investigazzjoni dwar dan l-ilment partikolari, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Stephen McCarthy qal lil din il-gazzetta li filwaqt li l-persuna kienet xtrat il-proprjetà u għalhekk setgħet tagħmel li trid biha, inkluż tikriha, għadhom għaddejjin investigazzjonijiet dwar bini ta’ penthouse, jew dik li tidher bħala penthouse, fuq il-bejt. L-akbar suspett qed iqum minħabba l-fatt li ħafna drabi, fil-kuntratti li jsiru fil-bejgħ ta’ postijiet tal-Awtorità tad-Djar tinbiegħ il-proprjetà innifisha, imma mhux l-arja tal-bejt.

Mal-ILLUM, McCarthy spjega kif l-Awtorità qed tinvestiga jekk kienx hemm permessi tal-MEPA biex inbniet din il-penthouse, jekk fil-bejgħ tal-proprjetà kienx hemm il-bejgħ tal-arja, u x’inhu l-użu tal-istess kamra, jiġifieri jekk fil-fatt hux qed tintuża bħala penthouse li minnha qed isir il-kummerċ.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Housing Stephen McCarthy
Il-Kap Eżekuttiv tal-Housing Stephen McCarthy

L-ILLUM staqsiet lil Mc Carthy jekk dan it-tip ta’ allegat abbuż hux komuni, bir-risposta tiegħu tkun li, “le l-aktar li jkollna, ikun abbuż fuq skala iżgħar. Jekk jirriżulta fil-pożittiv, li fil-fatt sar abbuż u xi ħadd bena penthouse fuq il-bejt ta’ blokka tal-Gvern meta l-persuna ma kellhiex il-permessi neċessarji, inkunu qegħdin nħarsu lejn wieħed mill-aktar każijiet ta’ abbuż flagranti li l-Awtorità kellha fl-aħħar snin.”

Kienet l-avukata Anna Mallia li f’artiklu fuq il-gazzetta l-orizzont din il-ġimgħa żvelat kif kienu qed jaslulha diversi ilmenti dwar abbuż mis-servizz ta’ housing offrut mill-Gvern, fosthom dan il-każ partikolari. Mallia sostniet li dwar dan il-każ, kienu ilhom isiru lmenti, imma azzjoni baqgħet ma tteħditx.

Għalkemm f’kuntatt ma’ din il-gazzetta ma tatx aktar dettalji, Mallia qalet ukoll li waslu għandha każi fejn persuni qed jgħixu f’postijiet tal-Gvern li l-Awtorità lanqas biss taf bihom u li allura mhux qed titħallas kera fuqhom.

Kelliem għall-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali ċaħad li dan jista’ jkun il-każ u f’kummenti mal-ILLUM qal hekk: “Niċħad bil-qawwa li hemm postijiet tal-Awtorità tad-Djar li l-istess awtorità ma tafx bihom. Jista’ jkun li l-proprjetà fil-fatt tkun tad-Dipartiment tal-Artijiet, imma l-Awtorità tad-Djar għandha inventarju estensiv ħafna tal-proprjetajiet kollha li għandha.’

Minkejja li kkonferma dan, McCarthy żied jgħid li tista’ tkun idea tajba li l-Awtorità żżomm inventarju tal-proprjetà li tkun inbiegħet, bħal fil-każ tal-imsemmi sid fl-artiku ta’ Mallia.

Għall-kritika ta’ Mallia li l-infurzar huwa nieqes, il-kelliem tal-Ministeru fakkar lil din il-gazzetta li sas-sena l-oħra, biex l-Awtorità tad-Djar tagħmel spezzjonijiet kellha tiddependi mid-Dipartiment tal-Artijiet. “Illum, l-Awtorità għandha dipartiment tal-infurzar tagħha, li jfisser li kull abbuż li jkun irrapurtat, jiġi investigat dak il-ħin stess u mhux jieħu t-tul.” L-istess kelliem żvela kif fix-xhur li ġejjin, l-awtorità se tkompli ssaħħaħ l-infurzar billi żżid ir-riżorsa umana fid-dipartiment.”

More in Politika