Marie Louise tal-lum…il-Marie Louise li dejjem kienet
…qrib in-nies u b’valuri soċjalisti u xellugin sodi daqs l-azzar. Albert Gauci Cunningham janalizza partijiet mid-diskors tal-President nhar Jum ir-Repubblika
minn Albert Gauci Cunningham
Id-diskors presidenzjali ta' Jum ir-Repubblika, kien wieħed mill-aqwa tal-President Marie Louise Coleiro Preca. Fih hija rnexxielha b’mod mirqum ħafna, tkun politika, imma mhux partiġġjana, tasserrixxi t-twemmin politiku-soċjali tagħha b’mod ċar u tkun kurrenti, imma mhux kontroversjali żżejjed.
Id-diskors ta’ Coleiro Preca poġġieha fermament fuq ix-xellug tal-ispettru politiku u irrijafermaha bħala waħda mill-aktar Presidenti Maltin f’dawn l-aħħar snin li ma tiddejjaqx li żżomm mal-prinċipji li dejjem emmnet fihom, privatament u iktar minn hekk, apertament.
Id-diskors ta’ jum ir-Rebubblika jagħmel mill-President kurrenti, soċjalista, mhux fis-sens partiġġjan (jew Mintoffjan) imma fis-sens ideoloġiku, kif huwa mifhum apertament madwar l-Ewropa. Jiġifieri dak li nifhmu b’soċjaliżmu fuq bażi Ewropea.
Anke jekk mhux konxjament, id-diskors issottolinea d-differenza bejn Coleiro Preca u l-Partit Laburista fil-Gvern, li llum aktar minn qatt qabel resaq lejn il-lemin fuq kwistjonijiet ekonomiċi u fl-attitudni ġenerali tiegħu. Il-Partit Laburista llum, xi ftit jew wisq huwa nieqes mill-element soċjali ta’ Marie Louise Coleiro Preca u allura mhux xi sigriet meta tara li fuq il-mezzi soċjali l-aktar nies li appoġġjaw kliem il-President kienu l-aktar settur ta’ votanti aljenati u l-inqas votanti rappreżentati fil-Parit Laburista, jiġifieri dawk bi twemmin xellugi.
L-ILLUM tat ħarsa lejn diversi partijiet mid-diskors tal-President Marie Louise Coleiro Preca u kif dan jintlibes perfett mat-twemmin ta’ din il-persuna, li minkejja li llum tpoġġi fuq l-ogħla siġġu tal-pajjiż, baqgħet dik il-mara Qormija, bil-bibien tal-uffiċċju miftuħin għall-fqar, il-ħaddiema u għal dawk kollha li huma fil-bżonn, li dejjem kienet.
Mhux kull mhu legali huwa korrett
Il-Gvern qed jgħid li legalment, għandu kull raġun li jibgħat lura 24 immigrant li kellhom il-Protezzjoni Umanitarja Temporanja tagħhom skaduta. Coleiro Preca tmur lil hinn minn dak li jaqa’ strettament fl-ambitu legali u tgħid hekk: ‘Nemmen li, moralment, m’għandniex, lil dawk li qed jgħinu fil-prosperità ta’ pajjiżna u li ilhom is-snin parti mis-soċjetà tagħna, flok napprezzawhom, nikkastigawhom billi nibagħtuhom lura.’
Din hija sfida ċara għad-deċiżjoni tal-Gvern u bl-aktar mod ċar tbeżbiża wkoll li mhux dak kollu li huwa legali, huwa neċessarjament korrett. Raġunament li qed jużaw diversi persuni u għaqdiet igwidati minn twemmin xellugi.
Min biegħ ruħu lir-razziżmu…
Il-President ma’ tirriżerva l-ebda kliem ħelu u sabiħ għal atteġġjament jew lingwaġġ razzista. Hija tgħid li dawk li biegħu ruħhom lir-razziżmu, u għalhekk indirettament tqabbel ir-razziżmu max-xitan, mhux maturi, kalmi u lanqas raġunati fi kliemhom. ‘Nemmen ukoll li din ir-Repubblika għandha tibqa’ kenn għad-drittijiet umani u ma tittollera ebda manifestazzjoni ta’ mibgħeda, turufnament intern jew ħakma ta’ kultura fuq oħra.’
Dan il-kliem jelevaha bħala l-persuna li għadha qed iżżomm sod mat-twemmin tas-solidarjetà u l-imħabba Kristjana li dan il-pajjiż suppost iħaddan. Meta l-President ma tħallix il-kurrenti qawwija ta’ xenofobija jew biżgħa jġorruha, jew meta ma toqogħdx fis-silenzju għax tibża’ li tkun ikkritikata, tkun qed tagħmel lilha nnifisha waħda mill-ftit Presidenti f’Malta li marru lil hinn mill-kumdità tal-Palazz ta’ San Anton u ċ-ċerimonji li magħha ġġib il-kariga.
‘Il-Baġit tajjeb? Issa naraw…’
Mingħajr ma waħħlet aġġettiv pożittiv mal-aħħar baġit li ressaq il-Gvern, hija tkellmet f’sens pożittiv dwar l-effett li jista’ jkollhom numru ta’ miżuri li ħa l-Gvern fl-aħħar baġit u li kienu mmirati biex jgħinu lil dawk li jinsabu fl-aktar saffi baxxi tas-soċjetà. ‘Għandi tama li l-miżuri kkontemplati mis-sena d-dieħla, jħallu impatt pożittiv fuq komunitajiet li ilhom ibatu s-snin.’
Fil-kwistjoni tal-faqar, Coleiro Preca testendi l-ħidma tagħha minn meta kienet Ministru u tiddeskrivi bħala ‘immorali’ li anke f’qafas ta’ suċċessi ekonomiċi li qed jikseb il-pajjiż, ‘inħallu lin-nies fir-riskju ta’ faqar jew ‘fi stat perpetwu ta’ tallab.’
Kważi qalet li taqbel ma’ żieda fil-paga minima
Anke jekk ma kinitx eslpliċita dwar il-paga minima, il-President uriet it-tama li d-diskussjoni dwar din il-kwistjoni, ftit wara li kienet imnedija l-kamapanja Paga Minima Diċenti, tagħti l-frott. Hi qalet hekk: ‘għax il-messaġġ ilu miktub fuq il-ħajt - paga xierqa għal min jaħdem għaliha.’ Iktar qabel sostniet ukoll ‘Repubblika ħanina ma taċċettax it-teżi li l-ekonomija b’saħħitha u attraenti għall-investiment lokali u barrani għandha tkun ibbażata fuq poplu bieżel, imħallas ftit.’
Dawn huma kollha indikaturi ċari li l-President qiegħda, anke jekk mhux kompletament u apertament, tappoġġja t-talbiet ta’ bosta għaqdiet biex tiżdied il-paga minima. Talba li l-Gvern laqgħha b’kawtela hekk kif qed jiffaċċja pressjoni minn min iħaddem biex din iż-żieda ma tingħatax.
Doxxa kiesħa Presidenzjali dwar l-Ambjent
L-akbar tbeżbiża għall-klassi politika kollha, inkluż għall-politiċi li qed imexxu lill-pajjiż bħalissa, kienet fl-ambjent. Jekk taqta’ l-ġelu tad-diplomazija, ssib li l-essenza ta’ dak li qalet il-President, hija li fil-ħarsien tal-wirt ambjentali, il-politiċi lokali m’għandhomx viżjoni u qed iħarsu biss lejn l-immedjat.
Kull meta niltaqa’ mat-tfal, qegħdin jgħiduli li l-imkejjen miftuħin fejn jilagħbu skarsaw u li t-tnaqqir tal-ispazji miftuħa faqqrilhom ħajjithom.’
L-appell tal-President imur lil hinn mill-politiċizazzjoni tal-ambjent. Fil-fatt, ambjent san, spazji miftuħa u l-ħdura huma ta’ benefiċċju għal kulħadd, imma speċjalment għall-fqir, għal dik il-persuna jew familja li m’għandhiex ir-riżorsa biex troxx il-flus kull tmiem il-ġimgħa.
Il-wirt naturali jagħti l-isbaħ pjaċir, pjaċir li ma jiswiex flus u pjaċir li jikkalma s-sensi. Mingħajru, aħna lkoll verament fqar.
‘…l-awtoritajiet f’pajjiżna, fl-ebda żmien ma żammew biżżejjed fiċ-ċentru tal-iżvilupp il-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-futur…jeħtieġ li l-politiċi jaħdmu għal viżjoni u strateġija li tmur lil hinn mill-leġiżlatura waħda.’
Bla dubju, din kienet l-akbar doxxa kiesħa lill-politiċi, inkluż jekk mhux l-aktar lill-Gvern, fir-rigward ta’ dan il-qasam.
Ħaffu x-xogħol fuq il-proġett tal-housing!
Il-President Coleiro Preca, diġà allineat lilha nnifisha mal-Gvern dwar il-kwistjoni tal-kirjiet privati fil-pożizzjoni tagħha kontra l-proposta ta’ Yana Mintoff, żvelata fuq l-ILLUM, dwar kontrolli.
Minkejja li mhux qiegħda spalla ma’ spalla, ma’ Mintoff, persuna li fil-fatt spiċċat fil-Ministeru tal-Familja grazzi għal Coleiro Preca stess, hija qed tħeġġeġ lill-Gvern biex iħaffef ix-xogħol fuq il-proġett ta’ housing soċjali li kif kien żvelat fuq din il-gazzetta wkoll, se jinkorpora diversi siti, fosthom l-akbar wieħed f’Ħal Farruġ.
Toħloq fi kliemha sens ta’ urġenza biex dan il-proġett jibda u jispiċċa fi żmien qasir, biex it-toqol ta’ kirjiet għoljin jitnaqqas.
Martek iva, proprjetà tiegħek le
Lill-agressuri tal-vjolenza domestika, il-President Coleiro Preca tfakkar: ‘il-veru ħelsien huwa bbażat fuq ir-rispett reċiproku u l-għarfien li ġisem il-bniedem mhu proprjetà ta’ ħadd.’
Il-gwerra Presidenzjali kontra l-blogs
Coleiro Preca fetħet il-kanuni, għat-tieni darba, fuq il-blogs li speċifikament jitkellmu, jikkritikaw jew jikxfu l-ħajja privata tan-nies. Għalkemm ma semmiet lil ħadd b’ismu, wieħed malajr jista’ jasal għall-konklużjoni li Coleiro Preca qed tattakka l-blogs ta’ Daphne Caruana Galizia u ta’ Glenn Bedingfield.
Hija tisfida liż-żewġ partiti biex jiddiżassoċjaw lilhom infushom minn dawn it-tip ta’ kitbiet li ddeskriviethom bħala ‘oxxenitajiet’, sostniet li jikkostitwixxu ‘vjolenza psikoloġika’ u ddeskrivithom bħala ‘għajb’ għall-istess persuna li qed tiktibhom.
Prosit Varist, imma…
….għad fadal ħafna x’taqdef. Forsi hekk riedet jew xtaqet tgħid il-President meta tkellmet dwar l-edukazzjoni. Naturalment, ingħaqdet mal-ħafna nies li qed jaraw progress fil-qasam edukattiv taħt it-tmexxija ta’ Evarist Bartolo u fakkret f’investiment li qed isir; skejjel ġodda, teknoloġija ġdida, taħriġ kontinwu, skemi għal min waqa’ lura u ta’ prevenzjoni u aktar.
Imma fakkret ukoll li t-triq għadha pjuttost twila u li għad għandna ħafna f’pajjiżna li ma jkomplux l-iskola jew li jitilqu mill-iskola mingħajr il-ħiliet bażiċi.
‘Irridu naħdmu b’mod dirett mal-familji, fil-komunitajiet u mal-iskejjel biex niżguraw li t-tfal ma jaqtgħux l-aptit għat-tagħlim kmieni f’ħajjithom.’
Prostituzzjoni u traffikar
Fir-realtà li qed ngħixu, b’immigranti ġejjin bid-dgħajjes, imma wkoll bi prostituzzjoni li tidher fit-triq, dik moħbija fil-ħanut u dik virtwali, il-President tinkoraġixxi lill-awtoritajiet biex iħarrxu l-ġlieda kontra t-traffikar tan-nies.
Matul din is-sena, l-ILLUM ippubblikat diversi stejjer dwar ħwienet tal-massaġġi, dwar il-legalità li qed joperaw fiha u dwar l-umbrella li qed joperaw taħtha. Mill-awtoritajiet, din il-gazzetta dejjem intlaqgħet bl-istess mod: skiet.
‘Jekk ngħalqu għajnejna għal dan il-fenomenu, inkunu qed inġibu fix-xejn l-għajta tad-drittijiet ċivili.’ Issostni Coleiro Preca.
Realiżmu vs. l-estremitajiet
Id-diskors tal-President Coleiro Preca huwa tentattiv b’element ta’ suċċess li jipprova jimmarka element ta’ realiżmu, bejn żewġ estremitajiet polari tal-iswed u l-abjad. Bejn il-ġenna tal-art mimli ġid u flus tal-Labour u l-infern despotiku tal-PN, hemm realtà oħra.
Il-President titkellem dwar is-suċċessi ta’ pajjiżna, dwar it-tkabbir u t-taħlit ma’ ġnus oħrajn, dwar il-prospett tal-Presidenza Maltija tal-UE mis-sena d-dieħla. Iżda tfakkar ukoll li pajjiżna mhux suċċessi biss qed jara.
‘In-nuqqasijiet materjali, l-esklużjoni soċjali, it-theddida għall-kwalità tal-ħajja b’riżultat ta’ żvilupp li mhux dejjem huwa sostenibbli…id-dewmien fit-traffiku u l-iskarsezza tal-onestà u l-verità fil-ħajja politika…dawn huma wħud mit-temi li jinkwetaw lill-Maltin u liż-żgħażagħ..’