Minn kuntatti li għamel dan is-sit fost is-sorsi tiegħu fil-Korp tal-Pulizija jirriżulta li l-favorit għall-pożizzjoni ta' Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija huwa Angelo Gafà, eks-Spettur tal-Pulizija fid-Dipartiment tar-Reati Ekonomiċi u minn Ġunju 2013 membru tas-Servizzi tas-Sigurtà ta' Malta. Il-ħatra mistennija tkun mħabbra aktar tard din il-ġimgħa.
Is-sit illum.com.mt jinsab infurmat li fost diversi uffiċjali tal-Korp l-għidut li l-Kap Eżekuttiv il-ġdid se jkun Gafa' issa ilu għaddej għal bosta jiem, speċjalment wara li Gafa' kien wieħed minn dawk li kienu short listed għall-kariga u finalment li, fil-fatt ġie l-ewwel, fl-intervisti. 'Kulħadd hekk qed jgħid u kulħadd hekk qed jisma fil-korp. Li Gafa' ntagħżel,' qalulna s-sorsi mill-Korp tal-Pulizija.
B'kollox saru intervisti ma' 21 applikant u l-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela ħabbar, il-ġimgħa l-oħra, illi l-persuna ġiet magħżula u l-proċess qed jistenna biex il-kandidat preferut għal din il-kariga jiffinalizza xi kundizzjonijiet li għamel biex ikun jista' jokkupa l-istess kariga.
Bħala Spettur tal-Pulizija fid-Dipartiment tar-Reati Ekonomiċi, isem Gafa' huwa marbut mal-każ tal-allegat tixħim minn Silvio Zammit illi kien għamel l-allegata talba ta' €60 miljun biex jinfluwenza l-leġiżlazzjoni tat-tabakk, li dak iż-żmien kienet qed titmexxa mill-Kummissarju Ewropew Malti John Dalli. Gafa' kien ukoll mexxa il-Prosekuzzjoni fuq il-każ tal-iskandlu tax-xiri taż-żejt u quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi kien iddefenda l-maħfra Presidenzjali li kien ta' l-Prim Ministru Lawrence Gonzi lil George Farrugia, il-persuna fiċ-ċentru ta' akkużi dwar korruzzjoni u tixħim fil-mod kif kien qed jinxtara ż-żejt.
Gafa' mexxa wkoll l-interrogazzjoni fil-konfront tal-eks Sindku Nazzjonalista ta' Tas-Sliema, Nikki Dimech fir-rigward ta' akkużi ta' tixħim.
Il-kariga, li kollox jindika illi se jkun qed jokkupa Gafa', kienet mwiegħda fil-programm elettorali tal-Partit Laburista tal-2013