Is-sena li kienet...is-sena skont il-gazzetta ILLUM

L-ewwel sitt xhur tas-sena 2016, mal-gazzetta ILLUM

Uħud mill-faċċati tal-gazzetta ILLUM fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena
Uħud mill-faċċati tal-gazzetta ILLUM fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena

Jannar – Qassatat fil-Lands, riżenji, traġedji u Angelik

L-ILLUM bdiet is-sena billi rrapurtat il-każ personali ta’ Edgar Farrugia, taħwida u qassata papali oħra tal-Lands li seħħet fl-2005 u li grazzi għaliha, Farrugia u familtu mhux talli baqgħu mingħajr kumpens għall-proprjetà li ttieħdet lilu, talli l-kumpens ingħata lil xi ħadd ieħor.

Imma dan mhu xejn. Jannar kien ix-xahar li fih is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon irreżenja fl-isfond tal-iskandlu ta’ Gaffarena. Mal-ILLUM, Marlene Farrugia kienet qabżet għal Falzon u qalet li hu ‘l-vittma ta’ sistema msewsa u mdewda fid-dipartiment tal-artijiet li ilha ġejja s-snin.’

Minflok Falzon, tinħatar Deborah Schembri li jkollha l-ewwel intervista bħala Segretarju Parlamentari mal-ILLUM. Dakinhar, kienet għamlitha ċara li ‘dawk li abbużaw mill-pożizzjoni tagħhom fid-Dipartiment ‘iridu jitneħħew.’ Hija għamlitha ċara li r-riforma mħabbra mill-Gvern ‘mhux sempliċiment eżerċizzju superfiċjali...se nibdlu kollox mill-qiegħ.’  

Mal-ILLUM f’Jannar, il-Ministru tat-Turiżmu wiegħed ‘Air Malta ġdida’ sa Ġunju, xi ħaġa li ma seħħitx. Żvelajna wkoll ġbir ta’ flus mingħajr rendikont minn Angelik, irraportajna lmenti minn madwar il-pajjiż dwar it-trasport pubbliku, irraportajna kif kien hemm 34 persuna taħt l-età li kienu fil-klabb PlusOne meta waqa’ taraġ f’Paceville u qam furur madwar il-pajjiż kollu u żvelajna l-aħħar SMS ta’ Faye qabel missierha Martin miet f’karozza bomba.

Frar: Iż-żiffa ta’ qabel il-Maltemp

Frar, l-ILLUM bdietu bl-elezzjoni ta’ Konrad Mizzi għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Mal-ILLUM, Manwel Cuschieri qal li Konrad kien se jwassal għal rebħa akbar u Peppi Azzopardi qal li l-akbar żvantaġġ ta’ Konrad kienet il-kwistjoni tal-paga ta’ martu. Iżda kien hemm bil-wisq aktar x’jinkwieta lil Konrad, l-elezzjoni u l-ħatra tiegħu bħala Deputat Mexxej tal-PL kienet iż-żiffa qabel il-maltempata.

Fi Frar ukoll, l-ILLUM żvelat kif f’Malta hawn 800 mara li jaħdmu bħala escorts, li l-pjan tal-PL kien għal elezzjoni lejn l-aħħar tal-2017, xi ħaġa li ġimagħtejn ilu biss li l-Prim Ministru donnu nnega meta semma l-2018, żvelat li Malta se tonfoq €50 miljun inqas għall-Presidenza mill-Lussemburgu u ħarġet, kif jgħidu bl-Ingliż all out kontra d-dokument tal-Knisja rigward it-terapija ta’ konverżjoni.

Marzu: Panama tasal Malta

Tibda l-maltempata ‘Panama’ u magħha jibdew it-trikki trakki. L-ILLUM titkellem mal-Laburisti u tistaqqsi jekk Konrad Mizzi għandux jirreżenja. Tiżvela li l-każ Panama qajjem biżżejjed rabja li kien se jwelled partit ġdid. Tkun l-ILLUM li tagħmel l-ewwel intervista lil Salvu Mallia. Fiha jiddikjara li Muscat daħaq bin-nies u li se jikkontesta l-elezzjoni li jmiss. L-ILLUM tiżvela l-pjani tal-PN biex Simon Busuttil jikkontesta l-elezzjoni fuq it-13-il Distrett, tanalizza x-xenarju politiku b’partit ġdid u titkellem ma’ Yann Spiteri u l-familja tiegħu, mimlija kuraġġ u determinazzjoni, li qed jiffaċċjaw it-tagħbija tal-mard.

April: Ferment fil-Labour, Patrijottiżmu u Natius Olà

Matul dan ix-xahar, l-ILLUM tiżvela ferment fil-Labour u fost id-delegati, hekk kif minflok irreżenja minn Deputat Mexxej, tefa’ l-ballun f’ħoġor Muscat u qal li l-PM għandu jġiegħlu jirreżenja. Il-kwistjoni Panama tinbidel fi kriżi. L-ILLUM tanalizza l-ħames għażliet ta’ Muscat: Li jipprova joħloq diversiv mill-kwistjoni, li jkeċċu lil Konrad, li joħolqu diversiv kbir kontra l-PN, li jittama li l-kwistjoni tmut u li Konrad Mizzi jitlaq minn jeddu. L-għażla li jħalli l-kwistjoni tmut kienet deskritta bħala l-agħar deċiżjoni ta’ Muscat u dik li Mizzi jitlaq minn jeddu, l-aktar waħda li tagħmel l-inqas ħsara lill-Gvern.

Mal-ILLUM Evarist Bartolo, minkejja kull kritika lejn Konrad Mizzi, jgħid li hu dejjem mal-Gvern jivvota, kemm f’każ ta’ mozzjoni kontra l-Gvern u anke f’mozzjoni kontra Mizzi stess. Hekk fil-fatt għamel. 45% tal-qarrejja qalu jridu lil Mizzi jibqa’, 35% jitlaq, 19% riedu li jistennew, fl-istħarriġ online illum.com.mt. 

L-ILLUM irrappurtat ukoll kif kien hemm reazzjoni ta’ rabja kontra l-Imħallef Giovanni Grixti wara li Natius Farrugia spiċċa arrestat illegalment. Żvelajna kif l-immigranti qed jitħallsu sa €6 fis-siegħa meta jinġabru mill-Marsa u żvelajna wkoll kif il-Patrijotti kienu se jgħaqqdu partit u jikkontestaw għall-elezzjoni ġenerali. F’intervista mal-ILLUM, Glenn Bedingfield jiġġustifika l-blog tiegħu ‘għax il-Laburisti xebgħu jaqilgħu,’ nitkellmu ma’ Peppi Azzopardi u Quinton Scerri dwar il-programmi tagħhom, nanalizzaw l-istrateġija tal-PN u nqabbluha ma’ dik ta’ Eddie Fenech Adami fis-snin 80 u mal-ILLUM, Mario De Marco jgħid li jekk Simon Busuttil jew il-PN jitolbu jirreżenja, fid-dawl ta’ akkużi fuq xogħlijiet li saru fid-dar tiegħu, huwa jirreżenja.  

Mejju: L-ILLUM tiżra’ ż-żerriegħa ta’ dibattitu nazzjonali dwar il-kirjiet

Minkejja li l-għafsa tal-prezzijiet tal-kirjiet privati kienu ilhom ftit jinħassu, kienet l-ILLUM li żvelat il-proposta ta’ Yana Mintoff għal kontrolli fuq il-kirjiet privati. Mintoff tipproponi li l-kirjiet ma jiżdiedux b’aktar minn 5% tal-medja tal-kirjiet f’dik il-lokalità jew żona, għal numru ta’ snin.

Il-proposta tiftaħ dibattitu sħiħ nazzjonali bis-suġġett ikun diskuss fuq diversi mezzi tax-xandir, fil-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali u saħansitra fil-Kabinett. Dan sakemm fl-aħħar baġit, il-Gvern wettaq l-ewwel, minn dak li nifhmu li huwa elenku, ta’ miżuri f’dan il-qasam.

Matul Mejju l-ILLUM analizzat ir-reshuffle fil-kabinett, b’Manwel Mallia lura bħala ministru u Konrad Mizzi, bħala ministru bla portafoll. F’intervista, Arnold Cassola jgħid li l-PL ma jistax jerġa’ jirkupra l-appoġġ li tilef minħabba l-każ Panama, niżvelaw li l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta kien avviċinat biex isir Kummissarju imma ma jaċċettax u nippubblikaw it-tieni stħarriġ dwar it-trasport pubbliku, fejn 50% jgħidu li dan sejjer għall-aħjar u 36% għall-għar.

L-ILLUM tibda tirraporta dwar is-sitwazzjoni ta’ ħwienet żgħar, iddaħħal lill-qarrejja fid-deni tal-Eurovision li seħħ fl-istess xahar, u tirraporta b’mod estensiv dwar ir-rapport tal-Caritas.

Ġunju: L-oranġjo ta’ Marlene, Cardona rebbieħ u l-Morning After Pill

L-ILLUM kienet l-unika gazzetta bil-Malti li segwiet l-elezzjoni għal Deputat Mexxej ġdid tal-Partit Laburista mill-qrib, b’intervisti mat-tliet kandidati, Chris Cardona, Owen Bonnici u Stefan Zrinzo Azzopardi, reazzjonijiet u opinjonijiet tad-Delegati, stħarriġ onlajn li anke jekk mhux xjentifiku, ta stampa reali tal-għażla tad-delegati, artikli u aħbarijiet. L-għada li Cardona kien elett Deputat Mexxej, l-ILLUM irraportat kif Cardona kien wiegħed f’sms lid-delegati tal-PL li se jinkoraġġixxi deċiżjonijiet fil-PBS. Nies qrib Cardona kienu qalu li l-programm Xarabank kien fil-mira tal-istess Cardona.

F’Ġunju, l-ILLUM irrapurtat dwar il-partit il-ġdid ta’ Marlene, evalwat il-proposti tal-PN dwar it-traffiku, kienet l-ewwel u l-unika gazzetta li rrapurtat kif l-ebda deputat mara fil-Parlament Malti ma kienet favur il-Morning After Pill (ftit siegħat wara Helena Dalli ħarġet favur), u trattat il-problema ta’ storbju li ġej mill-Freeport.

Matul dan ix-xahar, il-gazzetta ILLUM analizzat mill-qrib u rraportat b’mod estensiv fuq is-sit illum.com.mt ir-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit, b’vot favur Brexit.    

 

Intant, segwu t-tieni parti ta' din l-analiżi dwar it-tieni nofs tas-sena fil-gazzetta ILLUM li se tkun qed toħroġ nhar is-Sibt 31 ta' Diċembru.

More in Politika