Filmat | Illum jiftaħ is-siparju fuq il-Presidenza Maltija tal-UE ... Malta fit-tmun
Ilejla f'Dar il-Mediterran jinfetaħ is-separju għal sitt xhur li matulhom Malta se tkun fit-tmun tal-Unjoni Ewropea...imma inti taf x'inhi din il-Presidenza? Jekk le, għamilniha faċli għalik biex tifhem aħjar ...
minn Albert Gauci Cunningham / Ruben Anthony Xuereb
Ilejla jiftaħ is-separju għal sitt xhur illi matulhom Malta se tkun fit-tmun tal-Unjoni Ewropea u li matulhom se tkun Malta, bil-Gvern Malti fuq quddiem, li se jfasslu l-aġenda tal-Unjoni Ewropea. Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew se ddum sitt xhur u matulha pajjiżna mistenni li jospità diversi Ministri u persuni mill-Unjoni Ewropea, f'laqgħat kontinwi dwar diversi temi, fosthom u fuq quddiem l-immigrazzjoni.
Din se tkun l-ewwel darba fl-istorja li pajjiżna se jkollu dan l-irwol prestiġjuż u din ir-responsabbiltà fuq id-deċiżjonijiet li se jaffetwaw l-Unjoni kollha. Bħal kull pajjiż ieħor tal-Unjoni li jieħu l-presidenza fuq sistema ta’ rotazzjoni. Wara Ġunju tal-2017, Malta jkun jerġa’ jmissa tieħu l-presidenza fl-2030.
F'Dar il-Mediterran, il-belt Valletta ilejla l-ftuħ uffiċjali ta' din il-Presidenza se jkun immarkat b'diskorsi, fosthom mill-Prim Ministru Joseph Muscat, kif ukoll b'varjetà mużikali u artistika li għaliha se jkunu preżenti, fost l-oħrajn, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker.
Matul il-jum tal-lum Juncker se jkollu diversi laqgħat mal-għola awtoritajiet tal-pajjiż, flimkien mal-Kulleġġ tal-Kummissarji Ewropej.
Intant parti mill-ispettaklu tal-lejla se jinkludi dik li titratta l-isfida umanitarja ta' nies li qed ifittxu ħajja aħjar billi, fost l-oħrajn jaqsmu l-Baħar Mediterran lejn l-Ewropa. Il-prodizzjoni bl-isem Bahr se tkun qed titella minn ŻfinMalta Dance Ensemble
BAHR - ŻfinMalta Dance Ensemble / Trailer from ŻfinMalta on Vimeo.
Intant il-Presidenza li se tibda illum x'inhi? X'se jiġri? U tfisser xi ħaġa għalik?
Dan is-sit qed jippreżenta gwida sempliċi fil-forma ta’ mistoqsija u tweġiba dwar dan il-mument storiku għal Malta li se jerġa’ jirrepeti ruħu biss 13-il sena oħra.
X’inhu l-iskop tal-Presidenza?
Il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tkun responsabbli mit-tmexxija tal-leġiżlatura tal-Kunsill tal-UE. Il-funzjoni tal-Presidenza hija dik li ssejjaħ laqgħat tal-Kunsill, toħloq l-aġenda u l-programm għal dawn il-laqgħat u tiffaċilita d-djalogu kemm waqt il-laqgħat tal-Kunsill kif ukoll ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE.
Xi jkun l-irwol tal-pajjiż li jkollu l-Presidenza?
L-istati membri, li jkollhom il-Presidenza jaħdmu flimkien fi gruppi ta’ tlieta, imsejħa trio. Malta qiegħda fi trio flimkien mal-Olanda u l-Islovakkja. It-trio jiddeċiedi fuq miri għal tul ta’ żmien li għalihom jippreparaw aġenda komuni għas-suġġetti li jiġu indirizzati mill-Kunsill tul perjodu ta’ 18-il xahar. Kull wieħed mit-tliet stati tat-trio jipprepara aktar fid-dettall il-programm tas-sitt xhur tiegħu.
Kemm-il darba tinbidel il-presidenza tal-Unjoni Ewropea?
Kull sitt xhur. Kull pajjiż membru jagħmel il-leġiżlatura ta’ sitt xhur tiegħu qabel ikun imissu l-pajjiż li jmiss.
Il-pajjiżi kollha tal-UE jistgħu jieħdu l-Presidenza?
Iva. Kull stat membru tal-UE għandu l-possibbiltà jkollu l-presidenza hekk kif din tinbidel b’rotazzjoni kull sitt xhur. Malta jmissha minn Jannar li ġej wara li l-presidenza tal-Islovakkja tintemm f’Diċembru.
Min se jkun imissu wara Malta?
Wara Malta suppost kien imiss lir-Renju Unit, iżda wara l-vot tal-Brexit, diġà qaċċtulhom rashom mil-lista. Minn Ġunju tal-2017, wara Malta se jkun imiss l-Estonja biex jagħmlu s-sitt xhur tagħhom. Malta mbgħad jerġa’ jkun imissha minn Lulju sa Diċembru tal-2030.
Taf fejn se jiltaqgħu l-Ministru u l-kapijiet hawn Malta?
Hemm diversi postijiet, fosthom il-Parlament l-antik, li ġie konpletament rinovat għall-okkażjoni.
X’se jkunu l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija?
L-immigrazzjoni
Tingħata prijorità lill-kwistjoni tal-immigrazzjoni, biex miżuri diġà miftiehma u implementati jsiru prijorità, hekk kif il-poplu qed jitlob li tittieħed azzjoni konkreta għax iħossu li l-Unjoni mhux tagħti l-importanza meħtieġa lil din il-kwistjoni.
Is-Sigurtà u l-fruntieri
Jitħejjew pjanijiet u strateġiji għat-titjib fis-sigurtà ta’ kull stat membru, bi protezzjoni minn attakki terroristiċi, permezz ta’ informazzjoni komuni aktar effiċjenti bejn il-pajjiżi kollha u strateġija ta’ viġilanza u azzjoni aktar effiċjenti għall-prevenzjoni ta’ attakki fuq stati membri. Se tiġi wkoll proposta sistema ta’ awtorizzazjoni u informazzjoni dwar l-ivjaġġar madwar iż-żoni Schengen.
Is-Suq komuni
Tisħiħ tas-suq komuni tal-Ewropa, għall-benefiċċju tal-ekonomiji u l-intrapriżi permezz tat-tneħħija ta’ kull barriera li tostakola n-negozju ħieles. Fost affarijiet oħra, se jiġu diskussi titjib fis-sistemi digitali u n-negozju online kif ukoll it-tneħħija tat-tariffi tat-telefonija ċellulari meta wieħed ikun barra minn pajjiżu.
L-inklużjoni soċjali
Permezz ta’ konsultazzjoni ma’ imsieħba soċjali, is-soċjetà u ċ-ċittadini stess, għandu jkun hemm titjib fid-drittijiet tal-minoranzi u l-ugwaljanza tas-sessi, kif ukoll titjib fil-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol u ġlieda kontinwa kontra l-vjolenza sesswali.
Is-settur marittimu
Minħabba d-dipendenza tal-UE fuq l-ibħra, is-sostenibbiltà u l-iżvilupp tas-settur marittimu irid jibqa’ prijorità għal benefiċċju tal-kummerċ u ta’ numru kbir ta’ impjiegi fis-settur.