Il-kisbiet tal-Ministru li Salvu għajjarha 'bitch'

Il-kisbiet tal-Ministru, 'mgħajjra-bitch-minn-Salvu' Helena Dalli f'dawn l-aħħar tliet snin fil-qasam tad-drittijiet ċivili fl-editorjal tal-ILLUM

Il-Ministru Helena Dalli, minn ta' quddiem f'kisbiet li għamel pajjiżna fil-qasam tad-drittijiet ċivili
Il-Ministru Helena Dalli, minn ta' quddiem f'kisbiet li għamel pajjiżna fil-qasam tad-drittijiet ċivili

Helena Dalli kienet waħda mill-aħħar fil-lista ta’ persuni illi spiċċaw fil-mira tat-tgħajjir tal-kandidat stilla tal-Partit Nazzjonalista, dak li donnu tant sar importanti u neċessarju, illi biex jipproteġih il-partit joħroġ bir-rottweilers u għal De Marco, iben Guido De Marco, kolonna tal-PN, bilkemm għamel ħoss. Imma dwar dan is-suġġett tkellimna biżżejjed u kulħadd qed jkejjel u ħafna qed jitkellmu, privatament jew fi ċrieki soċjali u qed jaslu għall-konklużjonijiet li wasalna aħna f’dan l-istess editorjal il-Ħadd li għadda.

Issa Helena Dalli hija politikanta u bħal kull persuna oħra fil-politika la hi qaddisa u lanqas se nqabbluha mal-purità, għax ma tantx nemmnu li għad fadal politikanti puri u verġni, la Malta u lanqas imkien. Imma li xi ħadd suppost liberali u li jgħożż il-libertajiet tal-persuni, jiftaħ il-kanuni kollha fuq Dalli, mingħajr ma tal-inqas jkollu id-diċenza illi jfakkar il-kisbiet li għamlet bħala Ministru, huwa politikament inġust u frankament pwerili.

Lilhinn mill-glorifikazzjoni tal-lanżit, ejja nħarsu lejn il-kisbiet li għamlet Helena Dalli f’dawn l-aħħar erba’ snin u inħallu lill-qarrejja jiddeċiedu x’tip ta’ ‘bitch’ Helena Dalli hi.

L-ewwel att bitch-jesk ta’ Dalli kien li tat lil Joanne Cassar il-possibilità li taqleb il-ġeneru tagħha fuq il-karta tal-identità wkoll. Fatt li ta’ lil Cassar id-dritt li tesprimi l-imħabba tagħha fiż-żwieġ, att li biddlilha ħajjitha wara li tħalliet għal riħha, sena wara sena, tiġġieled kontra swar ta’ konservattiviżmu. Tiġġieled kontra establishment li dejjem emmnen illi Cassar ma kellhiex dritt tiżżewweġ. Bħalha m’hawnx maġġoranza fil-pajjiż, imma l-kwistjoni ta’ drittijiet ma’ tafx numri.

It-tieni u l-akbar att bitch-jesk ta’ Dalli kienet li serviet ta’ pijuniera biex wara 30 sena niddiskutu  induru fuq l-istess erba’ madumiet dwar relazzjonijiet ta’ persuni tal-istess sess,  kienet introdotta l-Unjoni Ċivili għall-persuni tal-istess sess.

Għax wara snin twal ta’ titubar ,Dalli flimkien mal-iktar Gvern progressiv li kellu dan il-pajjiż fl-aħħar deċenji, iddeċiediet li fl-imħabba m’hemmx privileġġi, li l-imħabba hija ugwali u l-istess. Li ħadd mhu ‘l fuq minn ħadd u li l-ebda tip ta’ mħabba mhi inferjuri għall-oħra. Għall-maġġoranza tal-pajjiż dan id-dritt seta’ fisser ftit. Għall-minoranza ta’ nies dan id-dritt bidlilhom ħajjithom u għamilhom aktar sinjuri mhux materjalment, imma emozzjonalment. Minkejja li l-liġijiet fuq il-karta ma jbiddlux mentalità, t-tibdil li rajna f’dawn it-tliet snin fil-qasam tad-drittijiet ċivili kienu l-akbar spinta lejn soċjetà aktar inklussiva, tolleranti u ugwali.

It-tielet att bitch-jesk ta’ Dalli kien li wara snin nippretendu li t-terapija tal-konverżjoni mhux qed issir u wara li għaddejna individwi minn trawmi li setgħu ġew evitati, kellu jkun issa li din it-tip ta’ konverżjoni issir illegali. U kien hemm sulluzzu galor u kien hemm min ikkritika lill-Ministru għax mhux qed tħalli lin-nies jagħżlu li jibgħatu lit-tfal tagħhom għand psikjatra biex jipprovaw jifhmu aħjar is-sesswalità, bħallikieku persuna eterosesswali qatt fl-istorja tal-umanità ntbagħtet għand psikjatra biex ‘tifhem il-ġibdiet tagħha aħjar’. Kieku smajna mill-korijiet tal-qedem, konna nibqgħu fejn konna għal snin. Nibghatu lill-ulied għand il-psikjatra biex jifhmu is-sesswalità, minflok ngħallmu, nedukaw u ninormalizzaw.

Ir-raba’ att bitch-jesk ta’ Helena Dalli kien li ntroduciet il-liġi tal-ġeneru, il-ħames kien li tard is-sena l-oħra ngħatat il-Premju tal-‘Eroj tas-Sena’ mill-European Diversity Award.

Is-sitt att li għandna spazju nsemmu hawn huwa l-fatt li l-Ministeru li tmexxi, flimkien ma’ żewġ Ministeri oħrajn se jkunu qed iniedu uffiċċju li se jibda jitħaddem aktar tard din is-sena biex l-abbuż fi Triq Aldo Moro, l-Marsa jibda jkun inidirizzat. Wara snin ninjoraw umani bħalna se ssir xi ħaġa biex l-abbuż sfrenat jibda jinqata’. F’dan is-sens, nisperaw li l-Ministru Dalli tieħu nota wkoll tal-istorja li għandna illum fuq il-faċċata tal-gazzetta.

Naturalment dan kollu ma jfissirx illi ma jidhirx ikrah il-fatt li  uliedha t-tnejn sabu pasothom ximkien u wieħed jista’ jifhem illi tista’ tkun ġustifikata l-kritij. Imma li tipprova tnessi l-akkwisti u r-rebħiet li għamlet din il-mara u li tgħajjarha ‘bitch’ meta kellha l-kuraġġ u r-rieda li dak li konna ilna niddiskutu, fil-fatt twettqu, hija verament xi ħaġa pwerili.

Kellu bżonn min għajjarha kellu nofs ir-rieda, s-saħħa u l-abilità li jagħmel id-differenza f’ħajjet in-nies daqs kemm għamlet Helena Dalli f’dawn l-aħħar tliet snin. It-tgħajjir u l-mibgħeda minn wara l-key board, l-akkużi, t-tfigħ ta’ tajn u l-bassezzi jiġu faċli għal min jaħseb li l-poplu tant hu basla li jifhem biss bil-lingwa tat-trogloditi . Fortunatament, fl-annali tal-istorja dawk in-nies ftit se jissemmew u malajr se jintesew. Id-drittijiet introdotti taħt il-ħarsa ta’ Dalli se jibgħu mfakkrin, minn dan l-editorjal żgur.

 

More in Politika