'Is-sajjieda Filippini, bil-liġi jridu jorqdu abbord u jibqgħu Marsaxlokk'

Paul Piscopo mill-Għaqda Koperattiva tas-Sajd jisħaq illi kull fejn hu jara abbuż jew ksur ta' liġi jieħu azzjoni - jikkonferma ħlas bis-sehem jew inkella mal-€550 fix-xahar lis-sajjieda barranin

L-istorja dwar sajjieda barranin, speċjalment Filippini, u l-kundizzjonijiet li bihom qed jitħaddmu qajmet ħafna interess u anke reazzjonijiet, fosthom dik tal-Għaqda Koperattiva tas-Sajd. Fil-fatt, aktar kmieni illum, l-illum.com.mt għamlet kuntatt mas-Segretarju tal-istess għaqda Pawlu Piscopo illi sostna li hu u l-għaqda dejjem jintervjenu jekk ikun hemm ksur ta' liġi jew problemi. "F'każi ta' abbuz jew ksur ta' liġi dejjem intervjenejna bħala għaqda, nist'a nassigurak imma," kompla jgħid Piscopo, 'li s-sajjieda Maltin qed jimxu mal-liġi."

Mistoqsi dwar il-fatt illi kif irraportat il-gazzetta ILLUM is-sajjieda barranin qed jgħixu fuq il-bastiment, Piscopo kkonferma u sostna illi mhux legali, skont il-ftehim u skont it-Transhipment Visa illi biha qed jitħaddmu dawn is-sajjieda li dawn fil-fatt jorqdu fuq l-art. 'Skont il-liġi dawn ma jistgħux ma joqrdux fuq id-dgħajjes u l-bastimenti, jistgħu jinżlu Marsaxlokk, jistgħu jinżlu jixtru jew jagħmlu xi biċċa xogħol żgħira lil xi ħadd, imma bilfors iridu jorqdu fuq il-bastiment.' 

Mistoqsi dwar il-ħlas żvelat fuq il-gazzetta tal-Ħadd li għadda, jiġifieri dak miżeru ta' madwar €400 fix-xahar Piscopo saħaq illi l-ħlas huwa iktar minn hekk u fil-fatt, ilaħħaq il-€550 fix-xahar jew inkella jsir ħlas bis-sehem, jiġifieri persentaġġ mill-profitt li jagħmel sid il-bastiment. 'Uħud minnhom sa €2,000 kapaċi jagħmlu meta jitħallsu bis-sehem.'

Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM sostnew ukoll illi s-sajjieda, l-aktar Filippini, Indoneżjani u Eġizzjani, kienu qed jinħaslu fil-latrini, sa ftit żmien ilu u dan sakemm il-Kunsill Lokali żied is-sigurtà fil-latrina pubblika tal-lokalità. Dan is-sit staqsa lil Piscopo fejn qed jinħaslu, ladarba jidher li l-latrini m'għadhomx daqstant aċċessibbli. Hu stqarr illi hemm postijiet fejn qed jinħaslu fosthom garaxxijiet jew appartamenti, fejn iżda ma jistgħux jorqdu. 

Dwar l-ammonti 'eżeġerati' ta' siegħat ta' xogħol li qed jitħaddmu dawn is-sajjieda, Piscopo ċaħad illi hemm min qed jaħdem 24 siegħa kuljum, għalkemm fakkar illi fin-natura tiegħu s-sajd xi minn daqqiet jirrikjedi siegħat twal ta' xogħol u drabi oħra, bħall-ġimgħa li għaddiet jkun jirrikjedi inqas. 'Meta s-sajjieda jkunu qed jaħdmu bis-sehem, ġieli jkunu huma stess li jkunu jridu jibqgħu għaddejjin bix-xogħol biex b'hekk ikunu jistgħu jkabbru l-qligħ tagħhom.' 

Piscopo temm iserraħ ras kulħadd illi fil-każ tal-barranin li qed jitħaddmu mis-sajjieda Maltin, m'hemmx problemi ta' sigurtà hekk kif dawn kollha qed jinġiebu Malta bit-transhipment visa. Huwa m'eskuldiex iżda li jistà jkun illi dawn il-prattiċi ta' abbuż irraportati il-Ħadd li għadda ġraw jew qed jiġru, iżda sostna li probabilment dawn qed iseħħu minn sajjieda jew persuni barranin. 

Huwa ma ċaħadx anqas li hemm persuna li qed jiddaħlu Malta permezz ta' aġenziji, imma eskluda li dawn qed jinġiebu biex jitħaddmu minn sajjieda Maltin. 

More in Politika