
Int Bennej? għandek bżonn 'skill card' biex turi li kwalifikat
Jitqassam l-ewwel sett ta’ ‘skill cards’ lil numru ta’ ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni

More in Politika
Jitqassam l-ewwel sett ta’ ‘skill cards’ lil numru ta’ ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Baċir Numru 1 f’Bormla, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli qassmet l-ewwel sett ta’ skill cards lil bosta ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni. Dan wara li f’Mejju li għadda, il-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini (BICC) nieda formalment dan il-proġett wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika u ta’ laqgħat ma’ diversi stakeholders involuti fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Il-ħaddiema kwalifikati għal skill card jinkludu l-bennejja, l-electricians u l-assistant electricians, il-plumbers, il-ħaddiema professjonisti bħal draughtspersons, quantity surveyors, u project managers, kif ukoll l-uffiċjali tas-saħħa u tas-sigurtà. Tqassmet ukoll skill card li tingħata lill-aġenti tal-proprjetà u lill-kuntratturi, li tippermetti aċċess f’siti ta’ kostruzzjoni.
Il-Ministru Helena Dalli faħħret lill-ħaddiema li kienu minn tal-bidu li fehmu l-ħtieġa li jkollhom skill card li tagħtihom għarfien formali tal-kompetenzi u tal-ħiliet fis-snajja’ li huma mħarrġin fihom.
“B’dawn l-iskill cards, qed noffru wkoll is-serħan tal-moħħ lill-konsumaturi meta jiġu biex jużaw servizzi ta’ persuni bħalkom li toperaw f’dan il-qasam”, qalet Dr Dalli.
Il-Ministru spjegat li l-għanijiet tal-proġett huma li jiddaħħlu aktar serjetà u dixxiplina fis-settur tal-kostruzzjoni, kif ukoll li jsir investiment fil-kapital uman fejn jidħol taħriġ u anke fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà.
Hija ħeġġet biex aktar ħaddiema japplikaw għal din il-card u jagħmlu t-taħriġ meħtieġ.
Iċ-Chairman tal-BICC Charles Buhagiar qal li matul din is-sena, il-BICC se testendi l-iskill cards fuq snajja’ oħra fosthom it-twaqqigħ ta’ bini u l-iskavar ta’ siti ta’ kostruzzjoni. F’dan ir-rigward, il-Perit Buhagiar qal li l-BICC se toħroġ ukoll linji gwida ta’ kif għandu jsir it-twaqqigħ ta’ proprjetà.
Permezz ta’ dan il-proġett, il-BICC se tindirizza wkoll is-sengħa tal-bini, biċ-Chairman jgħid li se jkunu qed jinħolqu skill cards li jkopru livelli differenti ta’ bennejja.
Il-Perit Charles Buhagiar spjega li l-iskill card se tirregola wkoll l-impjiegi tal-ħaddiema Maltin fis-settur tal-kostruzzjoni biex ikunu jistgħu jikkompetu fuq l-istess livell ma’ ħaddiema barranin li jiġu jaħdmu f’pajjiżna.
Il-proġett tal-iskill cards qed jitmexxa mill-BICC b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra fosthom Jobs+, l-NCHFE, l-MCAST, l-OHSA u l-BRO.