Biża' ta’ kunflitt mal-komunità Għarbija f’Malta
Studju mill-Università ta' Malta (Sammut&Lauri) jesprimi tħassib illi antipatija lejn il-komunità Għarbija tistà twassal għal kunflitt
minn Albert Gauci Cunningham
Il-komunità Għarbija f’Malta, magħmula minn ftit inqas minn 4,000 persuna, (skont ċifri tal-NSO fl-2014) hija l-aktar waħda li tiġbed antipatija lejha, mhux biss mill-Maltin imma wkoll minn kulturi oħrajn li qed jgħixu f’pajjiżna. Studju mill-Università ta’ Malta u magħmul minn Gordon Sammut (Akkamdemiku u Membru tal fakulta tat- tishih Soċjali) u Maryanne Lauri jiżvela kif din l-istess antipatija tista’ saħansitra twassal għal kunflitt.
L-istudju jgħid li b’mod ġenerali, l-Għarab f’Malta huma meqjusin f’dawl negattiv tant li ‘diversi gruppi etnokulturali jikkonverġu fl-antipatija tagħhom lejn l-Għarab, grupp li mhux sejjer tajjeb f’termini ta’ ‘benessere soċjali’. L-istudju jkompli jgħid li dan ix-xenarju ‘jipprovdi art fertili għall-kunflitt bejn il-komunità Għarbija f’Malta u l-kumplament tal-popolazzzjoni, hekk kif l-Għarab jippruvaw jassiguraw post leġittimu għalihom f’pajjiżna.
L-istudju ta’ Sammut u Lauri jirrakomanda li ssir aktar riċerka biex tkun investigata r-raġuni għal din l-antipatija. Huma jisħqu wkoll li “l-kuntatt, l-aktar bejn il-Maltin u gruppi oħrajn speċjalment Għarab, huwa l-unika tama f’xenarju potenzjalment negattiv.”
L-attakki ta’ terrur tefgħu dawl ikrah fuq il-Musulmani
Din il-gazzetta tkellemet ma’ Maria Camilleri, li għal żmien twil kienet tmexxi l-iskola tal-Musulmani f’Malta, Mariam Al Batool u għalhekk kienet f’kuntatt kontinwu ma’ persuni mill-komunità Musulmana. Tikkonferma li teżisti din l-antipatija u għaliex?
Camilleri tipponta subgħajha mill-ewwel lejn l-attakki terroristi matul iż-żmien, speċjalment f’dawn l-aħħar snin. “Kieku kelli nipponta subgħajja lejn dik li nħoss hija l-akbar problema, mingħajr dubju ngħid li huma l-attakki terroristiċi li esperjenzajna,” tisħaq Camilleri. Hi tkompli tgħid li għalkemm mhu ġustifikat xejn li kulħadd jitpinġa l-istess daqslikieku l-Musulmani huma awtomatikament terroristi, “meta dawn qed jinqdew bir-reliġjon biex ixerrdu d-demm. Jien xorta ngħid li ma nagħti tort lil ħadd li jistaqsi jekk hux qed jinħema xi ħaġa f’dawn il-komunitajiet. Bilfors, jekk inti qed tisma’ li qed isiru l-attakki u ħafna mill-attakki, sfortunatament isiru minn Muslmani.’
‘Iktar nara kunflitt bejn il-komunitajiet infushom’
Camilleri, mistoqsija għal reazzjoni, dwar il-parti tal-istudju li jsemmi posibbiltajiet ta’ kunflitt, tisħaq li aktar tara possibbiltà ta’ kunflitti bejn il-komunitajiet infushom, iktar milli kunflitt bejn il-Maltin u l-komunità Għarbija.
Ġlieda li seħħet aktar kmieni dan ix-xahar f’Buġibba bejn grupp ta’ Serbi u numru ta’ Libjani, u li ħalliet lil diversi persuni midruba sew, setgħet tefgħet iktar dawl fuq tensjonijiet eżistenti bejn komunitajiet minoritarji differenti li jgħixu f’pajjiżna.
Il-Maltin riedu flus mil-Libjani, imma mhux jitħalltu magħhom
L-ILLUM tfakkar iżda lil Camilleri li f’Malta dejjem kien hawn element ta’ antipatija lejn persuni Għarab, b’mod speċjali Libjani. Hi tirrikonoxxi dan u tfakkar li l-Maltin qatt ma ddejqu jagħmlu n-negozju mal-Libja u kulħadd kien jgħid kemm il-Mediterran u anke aħna morna tajjeb b’Libja stabbli. “Imma s’hemm wasalna, sal-flus. Lil hinn mill-flus ma’ ridniex nitħalltu mal-Libjani.”
Camilleri tirrikonoxxi wkoll li fejn jirrigwarda l-komunità Libjana, hemm ukoll il-fattur kulturali. ‘Iva, kien hemm problemi, fosthom ta’ kif uħud mill-Libjani jħarsu lejn in-nisa. Imma kellek u għandek żwiġijiet ta’ nisa Maltin ma’ rġiel Libjani li marru tajjeb ħafna wkoll, jiġifieri l-problema mhux waħda ta’ reliġjon imma waħda ta’ kontroll. U rġiel li jridu jikkontrollaw lin-nisa ssibhom f’kull kultura, mhux dik Libjana jew Għarbija biss,’ temmet tfakkar Camilleri.
Min iħossu sigur jgħix Malta, inqas jiffavorixxi l-multi kulturaliżmu
Intant, lura għall-istudju ta’ Sammut u Lauri, punt interessanti huwa li iktar kemm il-Maltin iħossuhom komdi u siguri jgħixu f’komunitajiet omoġeni, jiġifieri fejn id-differenzi huma ftit, inqas u inqas huma lesti jew predisposti li jaċċettaw dak li hu differenti. ‘Dawk il-Maltin, komdi f’Malta u li jsibu lil Malta bħala post sigur huma l-aktar li jħossuhom mhedda bil-preżenza ta’ dawk li huma differenti u li allura jistgħu jbiddlu l-istess kumdità u sens ta’ sigurtà li jgawdu.’
Fil-fatt, ir-rapport jgħid li aktar kemm persuna tħossha parti integrali mis-soċjetà ta’ madwarha u aktar kemm tħoss li għandha spazju f’din is-soċjetà omoġena, inqas hemm ċans li tkun trid tintegra. Min-naħa l-oħra, jkompli jgħid ir-rapport, ‘dawk l-individwi li għal xi raġuni jew oħra għandhom stima baxxa tagħhom infushom u ma jħossuhomx parti mill-istess soċjetà, huma aktar predisposti li jaċċettaw il-multikulturaliżmu.’
Ftit inqas minn nofs il-Maltin m’għandhomx ħbieb barranin
Punt interessanti mill-istess studju hu li ftit inqas minn nofs il-Maltin intervistati (193 b’kollox) m’għandhomx ħbieb barranin. Fil-fatt, minoranza konsiderevoli ħafna ta’ 45.6% m’għandhomx ħbieb barranin, filwaqt li 77% mill-Maltin qalu li ‘qatt’ jew ‘rari ħafna’ jiltaqgħu ma’ ħbieb minn gruppi etniċi oħrajn.
Min-naħa tal-barranin u gruppi etiniċi differenti, is-sitwazzjoni kienet xi ftit differenti, għalkemm mhux kompletament. Fil-fatt, minn dawk li pparteċipaw fl-istudju kienu b’kollox 31.4% li kellhom ħbieb Maltin u 37.6% li kellhom ħbieb minn grupppi etniċi differenti.
Immigrazzjoni fin-numri
Popolazzjoni ta’ Malta: 417,432
Total ta’ barranin li jgħixu pajjiżna: 20,289
Total ta’ immigranti mir-Renju Unit: 6,652 (33% tal-immigranti)
5,563 jiġu mill-bqija tal-pajjiżi madwar l-UE
4,496 tal-immigranti jiġu minn pajjiżi ‘mhux speċifikati’
3,948 persuna f’Malta jitkellmu l-Għarbi ‘tajjeb ħafna’
4,178 Malti għexu barra minn Malta fl-2015
4,262 barrani (21%) jgħixu f’Tas Sliema/San Ġiljan
3,023 barrani jgħixu f’Buġibba/Qawra/San Pawl il-Baħar
(Dawn iċ-ċifri huma meħuda mill-aħħar ċensiment tal-NSO)