Mill-Partnership għall-Presidenza: It-trasformazzjoni ta’ Muscat
Joseph tal-lum mhux Joseph tal-2003... ħarsa lejn id-diskors ta’ Muscat fil-Parlament Ewropew il-ġimgħa l-oħra u l-ewwel ġimgħatejn tal-Presidenza f'analiżi ta' waħda mill-akbar trasformazzjonijiet politiċi f’dawn l-aħħar snin
minn Albert Gauci Cunningham
Jgħidu li ġimgħa twila fil-politika. Jekk hu hekk, 13-il sena huma eternità, u vera. Eternità li matulha, mingħajr ma ħafna ndunaw għax kienu għaddejjin b’ħajjithom ta’ kuljum, kienet qed iseħħ trasformazzjoni politika inkredibbli. Inkredibbli, fis-sens li kienet trasformazzjoni li nbniet fuq bosta fatturi flimkien. Prinċipalment hemm is-sens ta’ adattament għar-realtajiet, anke jekk mhux realtajiet li xtaqt, dak li qisu l-effett tal-‘kamaleonte’ li forsi jippreferi jkun aħdar fil-kulur, imma xorta jirnexxielu jadatta, billi jbiddel.
Opportunist jew ‘survivor’?
Naturalment dan il-fenomenu politiku li uża Muscat, aktar minn kull mexxej politiku minn żmien Borg Olivier u Mintoff, jiftħu beraħ għall-akkużi ta’ ‘opportuniżmu’ u ‘superfiċjalità’. Imma s’issa jidher ċar u sar aktar ċar din il-ġimgħa, li aktar minn kollox, Muscat huwa politiku li jissopravvivi u kapaċi jissupera anke l-mod kif jaħsbu n-nies dwaru, dwar dak li kien u dwar dak li ġġieled għalih.
Interessanti li ftit jew xejn ftakru, meta kienu qed jisimgħu lil Muscat fil-Parlament Ewropew din il-ġimgħa, li 13-il sena ilu biss ħadd ma seta’ jimmaġina li Muscat se jkun fil-Parlament Ewropew, jitkellem u jagħti diskors ta’ statista Ewropew. Probabbilment, ftit jew ħadd minn dawk li ħassew li dan kien diskors tajjeb, ma seta’ jimmaġina fl-1998-2003 li se jkun qed jallinea lilu nnifsu fil-ħsieb ma’ dak il-famuż ġurnalist tal-Labour.
It-trasformazzjoni ta’ Muscat u t-terremot famuż li kien wiegħed, laħqu l-qofol din il-ġimgħa, fil-bidu tal-Presidenza Maltija tal-UE, kif kienet prevediet li se jiġri l-ILLUM ta’ żewġ Ħdud ilu. Minkejja li fakkar li l-istorja ma jbiddilha ħadd, u vera, Muscat uża ż-żmien għal vantaġġ tiegħu biex partit ankrat kontra dak kollu relatat mal-UE, imtaqqal bi żbalji politiċi madornali u b’hekk partit tellief, bidlu f’partit b’immaġini Ewropeista, li qed joffri t-tmexxija tal-istess UE u li allura jista’ jirbaħ.
Id-diskors lill-Membri Parlamentari Ewropej din il-ġimgħa jista’ jkun waħda miċ-ċwievet biex nifhmu aħjar min hu Joseph Muscat u kif irnexxielu jagħmel trasformazzjoni daqshekk kbira u xorta jibqa’ popolari
L-istorja bdiet disa’ snin ilu
Għall-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami, qabel l-1987 ma kellnix xemx, kollox kien ħażin, ma konniex pajjiż iċċivilizzat. Ma konna xejn u ħadd. Ix-xemx telgħet fl-1987. Dik kienet is-sena li nfetħu l-bibien tal-ġid.
In-narrativa storika hija importanti fil-politika u Muscat jaf li l-istorja politika f’Malta dejjem inkitbet mill-Partit Nazzjonalista, jew minn nies li xi ftit jew wisq huma leali jew iktar inklinati lejn il-PN. Għax il-rebbieħ jikteb l-istorja.
Muscat ried li jkun l-ewwel Mexxej Laburista li jinfluwenza l-istorja mniżżla għall-posterità, l-ewwel nett billi jkun hu stess li jagħmel trasformazzjoni tiegħu nnifsu. It-tieni, billi jkollu persuni li jimmarkaw fil-kitba l-istorja tiegħu (Glenn Bedingfield ‘Joseph: Ħabib u Mexxej’ u Cyrus Engerer ‘Joseph: Malta li rrid ngħix fiha’) u fl-aħħar billi jkun hu stess li bi kliemu jagħġen dak li jrid jibqa’ mfakkar għalih.
Lill-MPE ma qalilhomx li Malta hija “makku li qed tinbela mill-baleni,” jew li huma, “id-dittatorjat ta’ Brussell,” ma marx jakkużahom li qed jippruvaw idaħħlu l-lieva. Imma qalilhom li kien emozzjonat, “niftakar meta dħalt hawn disa’ snin ilu ma’ Louis Grech.” Disa’ snin ilu kien sar mexxej tal-PL u kien għadu kif temm iż-żmien tiegħu bħala Membru Parlamentari Ewropew.
Minn hemm bdiet l-istorja, il-partnership huwa Medju Evu, jekk mhux Preistorja wkoll.
Mill-pushback għas-solidarjetà
Hija invenzjoni totalment vvintata mil-lemin estrem li l-Partit Laburista wiegħed pushback fil-programm elettorali tiegħu. Imma hija verità li kien semmieha bħala possibbiltà meta kien Prim Ministru, kemm-il darba ma titteħidtx azzjoni fuq l-immigrazzjoni.
Naturalment, Muscat tal-possibilità tal-pushback intesa malajr wara valanga kritika, saħansitra mill-gazzetti qrib tiegħu. Din il-ġimgħa, Muscat tkellem dwar l-importanza tas-solidarjetà, milqugħ b’approvazzjoni mill-MPE preżenti. Imma qal ukoll, ”jeħtieġ li nħarsu s-siġurtà...jeħtieġ inkunu flimkien biex nipproteġu l-istil ta’ ħajja tagħna, biex ikollna Ewropa sigura.”
Fi ftit kliem, laqat l-aspett tal-udjenza li kienet qed tisimgħu, li fil-fatt ċapċiptlu f’dan il-mument, imma fl-istess waqt kien qed jindirizza lill-udjenza Maltija li fil-maġġor parti tagħha tħoss li l-immigrazzjoni toffri sfida lis-siġurtà ta’ pajjiżna.
Naturalment la lil dawk li jridu l-pushback u lanqas lil dawk li jridu l-‘open borders’ ma impressjona, imma forsi Muscat aktar ried li jimpressjona lill-maġġoranza ta’ votanti li la jinsabu fuq estrem u lanqas fuq ieħor. Li jaraw l-umanità, imma anke aspetti soċjali oħrajn fil-kwistjoni. Li jridu sens ta’ sigurtà filwaqt li jitolbu diċenza lejn l-uman partikolari.
Mill-aqwa għażla għal għażla inferjuri
‘Partnership, l-aqwa għażla għall-Maltin u l-Għawdxin...’ hekk kienet tgħid id-diska li kien juża l-Partit Laburista fil-kampanja biex Malta ma ssirx membru tal-UE. Alfred Sant kien jisħaq li hemm bżonn ta’ partnership, minflok sħubija mal-UE.
Din il-ġimgħa, il-PM Muscat sostna, għall-approvazzjoni ta’ dawk preżenti, li mar-Renju Unit jeħtieġ isir ftehim li huwa ‘inferjuri’ għall-sħubija.
Dan juri li l-partnership ma kien xejn l-aqwa għażla, imma għażla inferjuri. Il-fatt li Muscat ma kellux kritika f’dan is-sens jikkonferma t-trasformazzjoni tiegħu fil-psike tal-votant Malti; minn propogandist tal-MLP, għal politiku b’immaġini ta’ statista li qed jitkellem bil-linwaġġ ta’ ħafna...ħafna li probabilment fl-2003 kienu jarawh bħala anatema għal dak li jemmnu huma.
Dan biex ma nsemmux l-ironija storika li kważi 38 sena wara t-tluq tal-Ingliżi minn pajjiżna, meta qabel kienu huma li jiddeterminaw il-futur ta’ pajjiżna, issa kellu jkun Prim Ministru Malti li bi kliemu jkompli jiddetermina l-futur tar-Renju Unit.
Mill-parukkiera Sqallin għall-moviment ħieles u sagru
Jekk Alfred Sant ingħata raġun fuq waħda, żgur tkun l-għajta tiegħu u tal-Partit Laburista li “se nimtlew bl-Isqallin.” Ħafna Nazzjonalisti ħadu din id-dikjarazzjoni bħala inkredibbli u stupida u kienet spiċċat waħda mill-ħafna ċajt politiku f’attivitajiet soċjali.
Fil-fatt, hekk ġara. Mhux parukkiera Sqallin, iżda Taljani u Sqallin li qed jitilqu minn pajjiż b’ekonomija li kważi qed tikkrolla u li qed jiġu Malta wkoll u jsibu impjiegi differenti.
Muscat għamilha ċara din il-ġimgħa li l-erba’ libertajiet tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-moviment ħieles tan-nies, tas-servizzi, tal-kapital u tal-oġġetti għandu jibqa’ bla mittiefes fin-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.
Ħadd ma ddubita dawn il-libertajiet u ħadd ma staqsa jew ikkritika l-fatt li Muscat qed isostni li dawn il-libertajiet huma sagri. Naturalment, għax Muscat, l-Ewropeista tal-lum, huwa l-Muscat, li Muscat iridna niftakru għax jaf sew li maġġoranza kbira ta’ dawk li se jkunu qed jivvutaw għall-ewwel darba, jippreferu lil dan il-Muscat milli l-Muscat tal-Partnership.
Minn ‘smell the coffee’ għal ġlied mal-Kummissjoni
L-effett ta’ Muscat imur lil hinn minnu. Biżżejjed inqabblu lill-PN mal-PN (iva, PN mal-PN), f’din l-istess leġiżlatura. Meta Muscat semma l-pushbacks kien qal li l-Unjoni Ewropea għandha tqum “and smell the coffee”.
X’ma qalux in-Nazzjonalisti dakinhar. Għal ħafna, din kienet il-bidu ta’ relazzjonijiet ħżiena bejn Gvern Laburista u l-UE, liema relazzjonijiet ħżiena kienu jsaħħu lill-PN u kienu anke, serjament, jipperikolaw il-Presidenza tal-UE ta’ pajjiżna.
Ħarsu llum. Il-PN, prattikament jakkuża lill-Kummissjoni Ewropea li hi kompliċi fil-korruzzjoni ta’ Konrad Mizzi, u Simon Busuttil jgħid fil-Birgu li lest jiġġieled anke kontra l-UE. Tibda tistaqsi lilek innifsek, ‘stenn min minn dejjem kien il-Partit li għalih l-UE ma tista’ tagħmel xejn ħażin u hija l-ġenna tal-art? Il-Labour jew in-Nazzjonalisti?’
It-trasfomazzjoni tiegħu f’Ewropeista tfisser li qed jipprova jokkupa territorju politiku (l-Unjoni Ewropea) li sa ftit snin ilu kien esklussiv għall-PN. U jidher li, sa ċerti punt, qed jirnexxielu.
Ftit kapitaliżmu, b’naqra soċjaliżmu
Fuq il-front domestiku, il-PM Muscat huwa ta’ sikwit akkużat li biegħ ir-ruħ soċjali tal-Partit Laburista u li qajla jew xejn ma jitkellem dwar il-ġustizzja soċjali. L-akkuża ssir lilu li huwa iktar lemini fil-mod kif iħaddem il-politika ekonomika mill-partiti taċ-ċentru lemin.
Apparti li fl-isfera domestika qed jindirizza din il-problema b’għadd ta’ miżuri baġitarji u apparti n-narattiva wara l-aħħar baġit ta’ ‘Gvern soċjali’, issa Muscat qed ipoġġi lilu nnifsu wkoll bħala l-persuna li jista’ jmexxi din l-aġenda soċjali fuq bażi Ewropea.
Naturalment, dan huwa dak li jogħġob l-aktar lill-udjenza li kien qed ikellem quddiemu, u nkunu nistgħu nitkellmu dwar il-kisbiet f’dan il-qasam ladarba l-Presidenza tiġi fi tmiemha. Imma jista’ jkun li Muscat, fl-aħħar ta’ dawn is-sitt xhur, ikun ippożizzjona lilu nnifsu bħala l-politikant Ewropew li beda tibdiliet fuq bażi Ewropea f’dak li jirrigwarda l-qasam soċjali.
Din tista’ tkun trasformazzjoni li għad trid isseħħ, Muscat il-kapitalist għal Muscat is-soċjalist jew soċjal-demokratiku fuq livell Ewropew. Jekk b’xi mod ikollu l-approvazzjoni tal-UE li kien suċċess fil-mira tiegħu ta’ Ewropa soċjali, se jkollu parti mill-packaging elettorali, lest, biċ-ċoff b’kollox.
Mill-assolutiżmi għat-toroq tan-nofs
Muscat beda l-karriera u bena l-karriera tiegħu fuq stazzjon ta’ partit. Iż-żewġ stazzjonijiet tal-partiti f’Malta kienu dejjem mibnijin fuq l-assolutiżmi, jew aħmar jew xejn. Jew blu jew xejn. Min mhux magħna kontra tagħna u ejjew ħa nirbħu żgur.
Muscat definittivament ma kienx jirrapreżenta t-triq tan-nofs, mhux hu biss, imma kull ġurnalist ta’ stazzjon politiku sal-lum il-ġurnata.
Illum, lanqas ħadd jew ftit li xejn, jiftakruh dan. Il-ġimgħa l-oħra, Muscat fetaħ il-Presidenza uffiċjalment bi kliem ta’ rigrazzjament lil Lawrence Gonzi u Eddie Fenech Adami. Din timmarka mhux biss trasformazzjoni tan-narrativa b’saħħitha ‘anti-Eddie’ fis-snin disgħin, ta’ Muscat, imma wkoll trasformazzjoni ta’ kif Muscat qed jippożizzjona lilu nnifsu.
Qed juża oppożizzjoni li għażlet it-triq tal-assolut u tal-battalji u li qed tħaddan kandidati li b’mod apert, jesprimu mibgħeda lejn il-Prim Ministru, biex jitfa’ lilu nnifsu fin-nofs. B’hekk, jidher li huwa politiku ħafna aktar moderat mill-avversarju, u jakkwista aktar mis-settur tal-votanti l-aktar kritiċi.
Mill-‘ħobbu lil Michelle’ għal diskors ta’ statista
Imma, t-trasformazzjoni saret ukoll kemm ilu Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat. Tiftakruh jgħolli rasu u jkanta l-Innu Malti u jgħid lid-delegati “għiduli Joseph” u “ħobbu lil Michelle”?
Il-Muscat tal-lum u d-delivery tad-diskors huwa trasformazzjoni oħra. F’dan il-każ hija ġeneralment trasformazzjoni li jgħaddu minnha ħafna politiċi. Muscat inbidel maż-żmien biex baqa’ jsir aħjar fil-mod kif jagħti diskors u jwassal messaġġ.
Fil-fatt, iż-żewġ diskorsi tiegħu, kemm fil-ftuħ uffiċjali tal-Presidenza hawn Malta u anke fil-Parlament Ewropew kienu fost l-aktar b’saħħithom li kellu fil-karriera politika tiegħu.