'Nofs il-paga qed tmur biex inħallas il-kera kull xahar'

Petizzjoni tiftaħ il-bibien beraħ għal ilmenti ta' nies li saħansitra ntqal lilhom biex jew iħallsu 40% iktar kera fix-xahar jew inkella jparpru 'l barra

taqla €100 u €50 ittihom għall-kera ... immaġina!
taqla €100 u €50 ittihom għall-kera ... immaġina!

Il-kwistjoni tal-kirjiet privati qed tkompli taqbad momentum qawwi hekk kif Graig Willmott permezz ta' petizzjoni qed iħeġġeġ lin-nies biex jiffirmaw u jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern Malti biex jieħu azzjoni. Willmott, li għamel kuntatt ma' dan is-sit fost l-oħrajn, stqarr li hu qed ikollu joħroġ 49% mid-dħul tiegħu għall-ħlas ta' kirja biex ikun jista' jgħix f'pajjiżna f'appartament privat. 

Fil-petizzjoni, li kien beda ftit tax-xhur ilu, Willmott jgħid li ma jistax possibbilment ilaħħaq jekk il-paga ma tiżdiedx u għalhekk qed iħeġġeġ lill-Gvern biex jieħu azzjoni għal, dawk li jsejjaħ, kirjiet ġusti għall-ħaddiema. 

Interessanti kienu l-kummenti li waslu mingħand dawk li ffirmaw il-petizzjoni, li minkejja li huma anonimi huma viċin ħafna jew mhux xi drabi indentiċi għall-istejjer u l-ilmenti li jaslu għand dan is-sit. Fosthom, persuna li qed tilmenta li sid il-post mar fuqha u qalilha biex f''temp ta' ftit ġimgħat tagħżel bejn li tibqa' fl-istess appartament mikri u tħallas 40% iktar għall-kirja kull xahar u aktar f'kont tad-dawl u l-ilma, jew inkella tparpar 'il barra. 

Persuna oħra li qed tikri post fil-Gżira, lokalità fejn il-kirjiet għolew ħafna wkoll minħabba domanda qawwija, stqarret illi qed tħallas €700 fix-xahar għal appartament b'kamra tas-sodda waħda u meta fittxet xi ħaġa irħas sabet prezzijiet ta' €350-€400 għal kamra waħda. 

Iktar kmieni din il-ġimgħa l-PM Joseph Muscat ta' l-ewwel indikazzjoni ta' azzjoni aktar drastika f'dan il-qasam permezz ta' regolarizzazzjoni f'każ li s-sussidji ma jħallux il-frott mixtieq. 

62,200 persuna (15%) tal-Maltin ma setgħux iħallsu self jew kirjiet fl-2014

Intant ta' min ifakkar li fl-2014 kien hemm b'kollox 62,200 persuna, jew 15% tal-poplazzjoni Maltija kellhom problema jew saħansitra arretrati fuq kirjiet jew self fuq il-proprjetà li fiha kienu qed jgħixu. Bryan Magro, social worker u eks ko-ordinatur tal-politiki fil-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali, fakkar f'din l-istatitistika maħruġa mill-Istatistics on Income and Living Conditions (SILC) meta kien qed jitkellem f'laqgħa organizzata mill-Alleanza kontra l-Faqar li ddiskutiet il-faqar u l-akkomodazzjoni soċjali f'Mejju tas-sena l-oħra.

Ara artiklu sħiħ dwar dak li kien qal Magro hawnhekk

More in Politika