Il-proġett tal-Marsa mhu se jhedded ebda impjieg ta’ ‘Stainless Steel’

Parti mill-kumpens tal-Gvern se jmur għal investiment ġdid mill-kumpanija

Hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa kien imħabbar li l-proġett tal-Junction tal-Marsa se jkun qed jibda lejn l-aħħar ta’ din is-sena, l-ILLUM waslulha numru ta’ ilmenti mingħand ħaddiema tal-kumpanija Stainless Steel Products, liema kumpanija se tkun qed titlef il-fabbrika li għandha fil-Marsa u tkun rilokata.

L-ilmenti u t-tħassib li waslu għand l-ILLUM, u li ilhom jiġu espressi minn mindu kien imħabbar li l-fabbrika se jkollha titwaqqa’, jikkonċernaw l-aktar il-post tax-xogħol u anke biżgħat dwar l-operat tal-kumpanija f’Malta. Stainless Steel Products tesporta l-prodotti tagħha kważi esklussivament lejn is-suq Brittaniku u timpjega 79 ħaddiem.

F’risposti għall-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta iżda, kelliema għall-Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar qalet li d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-kumpanija ‘huma fi stadju avvanzat’ u li permezz ta’ dan il-ftehim, se jkunu qed jinżammu l-ħaddiema kollha tal-kumpanija u “possibilment jiżdiedu” wkoll.

Il-proġett tal-junction tal-Marsa li mistenni jibda din is-sena
Il-proġett tal-junction tal-Marsa li mistenni jibda din is-sena

 

...il-fabbrika l-ġdida mistennija tkun rilokata f’Ħal Far

Mal-ILLUM, il-kelliema spjegat kif fid-diskussjonijiet, li qed isiru permezz tal-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks, diġà ntlaħaq qbil bejn il-partijiet fuq il-prinċipji l-iktar importanti. “Apparti li l-kumpanija Stainless Steel Products se tkompli bil-produzzjoni tagħha ta’ sinks, gradwalment se tibda tipproduċi wkoll prodotti oħrajn hekk kif se tinvesti f’makkinarju ġdid u tkompli tħarreġ l-impjegati tagħha.”

Intant, l-ILLUM staqsiet ukoll jekk il-kumpens li l-Gvern se jkollu jagħti lill-kumpanija biex din tkun tista’ tiġi rilokata għadux qed ikun ta’ diffikultà biex jingħalqu n-negozjati. Minkejja li l-kelliema tal-Ministeru la kkonfermat u lanqas ċaħdet dan, hija qalet biss li parti mill-kumpens li se jingħata lil din il-kumpanija se jinkludi inċentivi finanzjarji “għal investiment ġdid.”

Il-fabbrika mistennija tkun rilokata lejn Ħal Far, minflok il-Marsa, fejn minflokha se jkun hemm żona pedonali.

L-ILLUM ikkuntattjat ukoll lill-General Workers Union (GWU) li tirrappreżenta l-maġġoranza tal-ħaddiema f’din il-fabbrika. Il-Union qalet li mhux qed tipparteċipa fid-diskussjonijiet minħabba n-natura kummerċjalment sensittiva tagħhom, għalkemm qalet ukoll li l-Gvern mistenni jinformaha dwar il-ftehim li se jintlaħaq.

Il-fabbrika ‘Stainless Steel’ kienet reġistrata f’pajjiżna fl-1970 u tipproduċi 500,000 sink kull sena b’ħafna jmorru lejn is-suq Ingliż.

Intant, aktar kmieni din il-ġimgħa kien imħabbar li l-proġett tal-Junction tal-Marsa se jkun qed jibda aktar tard din is-sena, wara li titlesta l-Junction tal-Kappara. Fil-fatt, din il-ġimgħa l-Awtorità tal-Ippjanar approvat dan il-proġett, li se jkun lest fi żmien sentejn u nofs u li €39 miljun mill-ispiża se jkunu qed jiġu minn fondi Ewropej. Il-proġett se jkun maqsum fi tliet żoni pedonali, passaġġ taħt l-art u ‘Park and Ride’ bi spazju għal 290 karozza.

More in Politika