Minkejja li l-istħarriġ ippublikat fuq il-gazzetta Maltatoday kixef xquq serji fil-bażi ta' appoġġ lill-Partit Laburusta fil-gżira t'Għawdex, u minkejja li 15.6% ta' dawk l-Għawdxin li vvutaw lill-Partit Laburista illum jgħidu illi jiddispjaċihom, il-figura ta' Joseph Muscat tibqa' l-aktar fattur illi jżomm u jattira appoġġ lejn il-PL fit-13-il distrett ukoll.
Fil-fatt, l-istess stħarriġ juri illi meta mistoqsijin biex jiġġudikaw il-ħidma ta' Muscat, kien hemm kważi 9% iktar Għawdxin li qalu illi Muscat huwa 'tajjeb' jew 'tajjeb ħafna', minn dawk li taw l-istess ġudizzju lil Busuttil.
Mistoqsijin biex jagħtu punteġġ mill- '1' sa '5', bil-'1' ikun 'ħażin ħafna' u '5' ikun 'tajjeb ħafna', 26% taw lil Muscat l-ogħla punteġġ, jew 5. Kważi 10% inqas, jew inkella 17.5%, taw punteġġ 4 lil Muscat li jiġi ekwivalenti għal ġudizzju 'tajjeb'. Dan b'kollox jgħodd għal 43.5% li jgħaddu ġudizzju pożittiv fuq il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat.
Minn dawk li aċċettaw li jipparteċipaw fl-istess stħarriġ 17.6% iħossu li Simon Busuttil hu 'tajjeb ħafna' filwaqt li 17.2% iħossu li hu 'tajjeb'. Dan b'kollox jgħodd għal 34.8% li jgħaddu ġudizzju pożittiv fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
Minn naħa l-oħra Busuttil kellu punteġġi ogħla f'dak li jirrigwarda ġudizzju negattiv. Ftit iktar minn 40% jagħtu ġudizzju negattiv tal-Kap Nazzjonalista ( 26% - Ħażin ħafna u 14.4% - Ħażin). Il-ġudizzju negattiv fuq Muscat kien ta' 34.5% (22.9% - Ħażin ħafna u 11.6% - Ħażin)
Dawk li taw punteġġ '3' lil Muscat, jiġifieri la jaħsbu li huwa tajjeb u lanqas li hu ħażin kienu b'kollox 22%. Minn naħa l-oħra 24.7% jagħtu l-istess punteġġ lill-Kap tal-PN.