Fir-rapport li ressaq il-Partit Nazzjonalista l-ġimgħa l-oħra u li jitratta l-ambjent qed jipproponi illi tinħoloq skema ta' assikurazzjoni għall-bdiewa, meta dawn jgħaddu minn esperjenzi koroh ta’ nixfa jew inkella infestazzjoni.
Dan is-sit tkellem ma' Simone Vella Lenicker, waħda mill-imħuħ wara l-istess rapport, li spjegat kif l-intenzjoni tal-PN hija li tinħoloq skema, “li tkun oltre l-assikurazzjoni li l-bdiewa jistgħu jkollhom b’mod individwali biex ikopru ħsarat li jaffetwawhom b’mod individwali, bħal per ezempju ħruq. L-intenzjoni hi li din l-iskema tkun waħda kollettiva, u li tkopri lill-bdiewa f’każ ta’ certu sitwazzjonijiet li jolqtu lis-settur kollu, bħal per ezempju mard, nixfa jew infestazzjoni.”
Għall-mistoqsija ta' dan is-sit dwar taħt liema forma se topera din l-iskema Vella Lenicker sostniet li l-proposta għad trid tersaq quddiem il-bdiewa biex tibda diskussjoni dwarha u sussewegwentement jibdew ikunu ffurmati aktar dettalji.