Il-kwistjoni tal-Panama tibqa' fil-quċċata tal-aġenda tal-Partit Nazzjonalista, bit-tieni rawnd ta' billboards dwar il-każ tal-Panama u l-kont li l-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schem bri fetħu f'dan il-pajjiż. Il-billboard huwa magħmul minn tliet Panama hats kull wieħed bl-isem ta' waħda mill-kumpaniji li nfetħu fil-Panama, fosthom il-famuża 'Egrant', li dwarha saret ħafna spekulazzjoni.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Każin tal-Partit Nazzjonalista tal-Pietà, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-iskandlu tal-Panama wera' bl-aktar mod ċar l-uniku skop biex ħadu l-poter hu għall-iskopijiet personali tagħhom, tant li ħamest ijiem wara l-elezzjoni ġenerali, kienu diġà bdew jinfetħu t-tliet kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Minn naħa l-oħra, sostna Beppe Fenech Adami, 'il-familji Maltin u Għawdxin qed jiffaċċjaw realtà kompletament differenti b’diversi sfidi li flok jiġu indirizzati, qed jiġu njorati kompletament mill-Gvern ta’ Joseph Muscat.' Fost l-oħrajn hu semma l-fatt li l-anzjani mhux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja bil-pensjoni li għandhom, kif ukoll li bosta mediċini għall-istess anzjani qed ikunu għoljin u biex jixtruhom, qed ikollhom joqgħodu lura minn affarijiet oħra.
Flimkien ma' Fenech Adami kien hemm ukoll il-Kandidati tal-PN Albert Buttigieg u Graziella Galea.