'Irrid ngħix..irrid ngħid li għamilt dak kollu li stajt qabel inċedi'

Bjorn Formosa jrid jgħix u jibqa' jgħix anke jekk bħalissa huwa ffaċċjat b'għażla diffiċli ħafna ... 

Bjorn Formosa, fundatur ta' ALS Malta • Ritratt: Chris Mangion
Bjorn Formosa, fundatur ta' ALS Malta • Ritratt: Chris Mangion

'Ma nistax nimmaġinani mingħajr ħajja. Irrid ngħix, irrid ngħid li għamilt dak li stajt qabel inċedi. Ma nista qatt naqta' qalbi nagħmel dak li bdejt.'  Dan kien il-kliem ta' Bjorn Formosa, fundatur ta' ALS Malta u persuna bl-istess marda progressiva li għal dawn l-aħħar snin kien ispirazzjoni għal ħafna. 

Ftit minuti ilu, u għar-rispons immedjat u b'saħħtu ta' ħafna ħbieb u qraba, Bjorn qal li issa żewġ għażliet għandu. Dik li jitlaq kollox, iwaqqaf il-proċessi mediċi u jgħix ftit ieħor jew inkella li jaċċetta li jingħadda pajp illi minnu jkun jista jiekol u jixrob u forsi jgħix ftit xhur oħra jew sena/sentejn. 

'Anke jekk l-ewwel għażla hija diffiċli u se teħodli dak kollu li għandi, hija l-unika ċans tiegħi biex intawwal ħajti. Nagħżel x'nagħżel, il-ħajja se tkun qasira imma din hija l-unika ħajja li għandi u li naf. Irrid inkompli ngħix għal kemm jista' jkun żmien.'

Bjorn qed jiddedika l-aħħar snin ta' ħajtu għal ALS Malta li qed ttella attivitajiet bil-għan li toħloq fond għal aktar riċerka biex forsi jinstab fejqan għal din il-marda. L-ALS tattakka n-nervituri u bil-mod il-mod iddgħajjef il-muskoli sakemm persuna tkun kompletament dipendenti fuq persuni oħrajn u l-magni. 

Bjorn kien iddikjarat il-personalità tas-sena tal-gazzetta ILLUM fl-2015 wara li eluf ta' qarrejja ta' dan is-sit għażlu lilu, minn grupp ta' erba' minn nies, bħala l-akbar ispirazzjoni għalihom. 

 


 

More in Politika