'Il-proġett ta' Bieb il-Belt għaddej b'ritmu tajjeb, u jinsab fil-ħin'

Ir-restawr tal-funtana tat-Tritoni mistenniija tiswa €4 miljuni

.
.

Il-proġett ta' Bieb il-Belt jinsab għaddej b'ritmu tajjeb u qiegħed fil-ħin. Dan qalu l-Ministru Joe Mizzi waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha qal kif ir-restawr tal-funtana tat-Tritoni se jkun qed jiswa mal-€4 miljun.

Mizzi qal kif tul tlett iljieli, ġew żarmati u mwaqqgħin it-13-il kiosk li kienu jinsabu fi Pjazza Tritoni, b'total ta' 190 tunnella ta' materjal tal-kostruzzjoni.

Dwar il-funtana, il-Ministru qal li din ġiet żarmata wkoll u l-partijiet tal-bronż tagħha jinsabu lesti sabiex jittieħdu l-Italja għar-restawr.

Tul l-istess konferenza, Mizzi qal li jeħtieġ li l-kuntratturi jiġu mmultati iktar f'każ li dawn ma jżommux mad-dati stabbiliti għall-proġetti tagħhom. 

Il-Ministru kompla jsostni li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati iktar miżuri dixxiplinarji għal kuntratturi li jiksru xi kundizzjonijiet li jkollhom fit-tenders tax-xogħlijiet pubbliċi, waqt li qal li possibbiltà minnhom hi li saħansitra li jiddaħħal kuntrattur ieħor sabiex itemm ix-xogħlijiet.

"Il-multi mhumiex biżżejjed, jekk il-proġett jibqa' ma jitlestiex. Qed nindunaw li ħafna drabi, il-kuntratturi saħansitra jikkunsidraw l-ispejjeż tal-multi fl-applikazzjonijiet tagħhom tat-tender," temm jgħid il-Ministru Mizzi.

More in Politika