Wara li nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM irrapurtat kif dwar il-każi tal-allegat abbużi u akkużi gravi fil-konfront ta' għalliem fil-Liċeo tal-Ħamrun teżisti omertà sħiħa u ftit li xejn dettalji, l-Korp tal-Pulizija kkonferma biss li l-investigazzjonijiet u l-inkjesta Maġisterjali għada għaddejja.
F'reazzjoni għall-istorja mibgħuta lil dan is-sit intqal li 'l-investigazzjonijiet fuq dan il-kaz għadhom għaddejjin. Hemm ukoll inkjesta Maġisterjali li għadha mhux konkluża.' L-investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet ta' abbuż sesswali bdew ftit wara li kienu rrapurtati diversi każi ta' allegat abbuż minn għalliem tal-arti fuq numru ta' tfajliet, ħamsa b'kollox. L-għalliem kien arrestat għal 48 siegħa imma mogħti 'police bail', kważi tliet xhur ilu. Fl-allegat każ hemm madwar 13-il persuna involuti, ħames vittmi, minn tal-anqas seba' allegati aggressuri li huma studenti u l-għalliem in kwistjoni.
Sorsi li tkellmu mal-gazzetta stqarrew illi numru ta' ġenituri tħallew fil-għama dwar il-każ, filwaqt li l-MUT ingħatat direttiva biex ma titkellimx ma' ġenituri jew għalliema dwar il-każ. Intant azzjonijiet indistrijali msejħin mill-MUT kienu posposti wara laqgħat twalmal-Ministeru tal-Edukazzjoni u wara li kien maqbul pjan t'azzjoni biex jibdew ikunu indirizzati l-problemi kbar li l-għalliema qed jiffaċċjaw f'din l-iskola.