Omm ta' tarbija ta' xahrejn tressqet il-Qorti u ġiet akkużata illi pruvat tinfetta membru tal-Korp tal-Pulizija bil-Hepatitis C waqt li kienet qed targumenta dwar ordni ta' protezzjoni fil-konfront tat-tarbija tagħha. Il-mara ta' 22 sena minn Birkirkara qed tkun akkużata wkoll illi infettat persuna b'marda li tittieħed, li rreżistiet lill-Pulizija b'mod vjolenti u li heddet u insultat lil żewġ uffiċċjali tal-Pulizija. Il-mara qed tkun akkużata wkoll illi kisret il-paċi pubblika, heddet żewġ social workers u li hija riċediva.
L-omm m'għandhiex impjieg u tgħix f'xelter għal dawk in-nisa fil-bżonn ta assistenza soċjali.
L-Avukat tal-akkużata Jason Azzopardi argumenta illi l-inċident kien mkabbar b'mod eseġerat u fakkar illi l-mara in kwistjoni issofri minn problemi psikoloġiċi u marret fl-uffiċċju tal-Appoġġ biex tistaqsi għalfejn it-tarbija tagħha kienet ittieħdet mingħandha, erbat'ijiem biss wara t-twelid. 'Hawnhekk għandna mara konfuża li hija iktar vilnerabbli għall-mard mentali u li kellha l-aċċess għat-tarbija tagħha miċħud.'
Hu fakkar kif il-gidma tal-mara lill-pulizija kienet f'saqajn il-membru tal-korp, 'li jfisser li din kienet mal-art.' Huwa qal li, jekk xejn, il-Qorti għandha tagħti lill-akkużata ħelsien mill-arrest fuq bażi umanitarja.
L-Ispettur Elliott Magro li kien qed imexxi l-Prosekuzzjoni spjega kif il-Pulizija daħlu fl-inċident biex iżommu l-bogħod inċident ħafna ikbar milli jiġri. Hu xehed illi l-mara gidmet lill-Pulizija f'saqajh u l-ieħor f'idejh. Minkejja li l-gidma ma kinitx serja l-Ispettur xehed illi kien ntqal lilu li l-mara in kwistjoni tinsab fil-grupp ta' riskju għoli illi jkollu l-Hepatitis C. Filwaqt li qal illi l-inċident ma' kienx l-ewwel darba li l-mara għamlet xena, qal ukoll illi l-ħaddiema tal-aġenzija Appoġġ huma 'mwermrin' mill-mara.
L-avukat tal-akkużata qal illi kien hemm b'kollox 'ħames Pulizija biex iżommu lill-mara. Din mhux it-Toto, il-Qattus jew il-Qaħbu,' saħaq Azzopardi. Hu qal illi l-akkuża tal-Hepatitis C hija biss ipoteżi u mhux ġust illi jsiru dawn l-akkużi meta xejn mhu ċert.
IIl-Maġistrat Francesco Depasquale ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li għad iridu jinstemgħu x-xhieda. ordna wkoll illi l-mara tinżamm fil-Unit Forensiku tal-Isptar Monte Carmeli.