Fil-kamra tal-vot l-aktar li jgħodd huwa l-but...
... għall-aktar minn 60% tal-votanti Maltin buthom huwa l-fattur li jiddetermina kif jivvutaw ... għal 19% l-ekonomija u għal 16% il-korruzzjoni
More in Politika
... għall-aktar minn 60% tal-votanti Maltin buthom huwa l-fattur li jiddetermina kif jivvutaw ... għal 19% l-ekonomija u għal 16% il-korruzzjoni
'Il-but jgħodd' jgħidu ħafna meta jkunu qed jitkellmu dwar l-intenzjoni tagħhom ta' lil liema partit ikunu se jivvotaw. U vera! Fil-fatt, skont l-aħħar stħarriġ tal-gazzetta oħt Maltatoday xejn inqas minn 61% tal-votanti jqisu l-introjtu personali, jiġifieri l-but, bħala l-aktar kwistjoni importanti għalihom meta jiġu biex jivvutaw.
Minkejja din il-maġġoranza, l-persentaġġi jinbidlu skont il-klassi soċjali u l-livell ta' edukazzjoni li minnha jkunu ġejjin il-votanti kif ukoll skont l-affiljazzjoni politika tal-persuna. Huwa aktar probabli li Laburist u/jew persuna b'livell ta' edukazzjoni sekondarju jew primarju jqis il-but bħala fattur importanti meta jiġi biex jivvota. Fil-fatt, skont l-istess stħarriġ 71.6% tal-Laburisti, 68% ta' dawk b'edukazzjoni sekondarja u 71% ta' dawk b'edukazzjoni primarja jħossu li l-but huwa l-aktar importanti meta jiġu biex jivvutaw.
Għalkemm maġġoranza ta' votanti Nazzjonalisti wkoll jqisu li l-but jkun l-ewwel fuq moħħhom qabel jiktbu dak il-famuż numru '1', il-persentaġġ jinżel għal 53.4%. Fost l-iswitchers jew dawk li kienu jivvutaw PN sal-2008 imma vvutaw Labour fl-2013, il-livell ta' dawk li jqisu l-but, jew id-dħul personali tagħhom, bħala l-aktar fattur importanti meta jivvutaw huwa simili għal dak fost in-Nazzjonalisti, b'53.3%.
Fost dawk b'edukazzjoni Universitarja, il-persentaġġ ta' votanti li jqisu l-but bħala l-aktar importanti meta jivvutaw jinżel għal taħt il-50%, b'total ta' 42.6%. Dan jista' jixhed illi f'dan is-settur hemm iktar nies b'salarju ikbar li jirrifletti wkoll il-kwalifiċi u allura l-flus huma inqas ta' sfida.
Fost dawk li għandhom edukazzjoni post-sekondarja kien hemm maġġoranza ta' 51.4% li jħossu illi l-but huwa l-aktar importanti meta jkunu fil-kamra tal-votazzjoni.
It-tieni l-aktar kwistjoni importanti fuq moħħ il-votant hija l-ekonomija, għalkemm bil-qabda inqas mill-but. Fil-fatt ftit iktar minn 19% iħossu li l-ekonomija tiddetermina fejn jivvutaw. Il-votanti b'edukazzjoni terzjarja huma l-aktar settur li jqisu l-ekonomija qabel jivvutaw b'25.5%, filwaqt li skont il-preferenzi tal-partit huma l-Laburisti b'18.6%.
Il-korruzzjoni, tema rikorrenti u ż-żiemel politiku tal-Partit Nazzjonalista huwa l-aktar importanti fost minoranza konsiderevoli tas-settur kruċjali tal-iswitchers. Fil-fatt 33.3% iħossu li l-korruzzjoni hija dik il-kwistjoni li tiddetermina kif jivvutaw. Għan-Nazzjonalisti l-korruzzjoni wkoll hija kwistjoni importanti għal ftit iktar minn 24%. Minn naħa l-oħra l-Laburisti u dawk b'livell edukattiv sekondarju u primarju huma fost l-inqas li jaħsbu dwar il-korruzzjoni meta jivvutaw. Fil-fatt 9% biss tal-Laburisti jivvutaw bil-korruzzjoni fuq moħħhom, filwaqt li l-istess jagħmlu 13.5% u 10% ta' dawk li għandhom livell sekondarju jew primarju, rispettivament.