Il-kura kollha relatata mal-kanċer se titpoġġa fuq il-formularju tal-Gvern fit-tliet snin li ġejjin. Dan ħabbru il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, meta illum kien qed iniedi l-Pjan Nazzjonali tal-Kanċer fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.
Il-Ministru Fearne sostna illi l-mediċina Capecitabine,li hija wżata fil-kura kontra l-mard tal-kanċer fis-sider, fl-istonku, fil-fwied fil-frixa, issa żdiedet ukoll fil-formularju tal-Gvern ix-xahar li għadda. Il-Ministru Fearne ħabbar illi dawn il-mediċini se jkunu qed jiżdiedu ma oħrajn, fosthom il-Mitomycin C and Doxorubicin, fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Pjan Nazzjonali tal-Kanċer li se jkun miftuħ għall-kunsultazzjoni pubblika mistenni joħloq fondazzjoni li tispeċjalizza fir-riċerka tal-kanċer b'kollaborazzjoni ma' istituzzjonijiet barranin. Meta kien qed ikellem lill-membri tal-media l-Ministru Fearne qal li dan se jkun ifisser li l-pazjenti jingħataw iċ-ċans li jkunu klinikament ittestjati għall-aktar mediċini ġodda fis-suq.
Il-Pjan Nazzjonali li nieda Fearne qed isejjaħ għal aktar allokazzjoni fil-baġit tal-Ministeri fuq skemi li jipprevjenu mard bħal kanċer. S'issa din l-allokazzjoni hija biss ta' 5%.