Bonnici: 'Simon Busuttil għandu jieħu azzjoni kontra Beppe Fenech Adami'
...imma Beppe Fenech Adami jisħaq li Bonnici u Cardona qed jigdbu fuqu u jisfidahom jgħidu min indaħal f'każijiet ta' traffikar
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għandu jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Beppe Fenech Adami li kif ħareġ ismu, waqfet investigazzjoni tal-Pulizija dwar kumpanija f’Malta bl-isem ta’ Capital One li tagħha kien direttur u li kien investigata dwar ħasil ta’ flus u traffikar tad-drogi.
Intqal dan f’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun indirizzata mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona u l-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici. Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif il-Gvern kien ħatar inkjesta magħmula mill-eks-Imħallfin JD Camilleri, Lawrence Quintano u Philip Sciberras wara li kienet ħarġet storja fil-gazzetta Maltatoday. Wara li kienet inbdiet investigazzjoni mill-awtoritajiet Olandiżi, nstab li kien hawn kont bankarju f’Malta mmexxi minn Capital One li fiha kien hemm suspett li qed jintefgħu flus maħmuġin li ġejjin mid-droga u għaldaqstant kien ordnat l-iffrizar ta’ dan il-kont, qal Bonnici. Il-Pulzija f’Malta bdew ukoll jinvestigaw it-tranżazzjonijiet miljunarji u qawwija li seħħew bejn l-2009 u l-2010, u mill-istess investigazzjoni tfaċċa l-isem ta’ Beppe Fenech Adami f’Jannar 2013, xahrejn qabel l-elezzjoni ġenerali, u hemmhekk twaqqfet ħesrem l-investigazzjoni, sostna l-Ministru Bonnici.
Il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali elenka wkoll il-fatt li dawn il-listi tat-tranzjazzjonijiet ma baqgħux fil-file tal-Pulzija u l-inkjesta magħmula mill-Gvern kellha aċċess għalihom għax reġgħet talbithom lil BOV. Owen Bonnici staqsa jekk li kieku dawn il-listi tat-tranzazzjonijiet għaddew għand l-Awtoritajiet Olandiżi, li ma saritx għax għebu mill-file tal-Pulizija, l-investigazzjoni fl-Olanda kinitx tieħu xorta oħra?
L-esperet li tqabbad mill-inkjesta biex janalizza dawn id-dokumenti f’Malta kkonkluda li dan il-każ jimmerita li jkun investigat mill-Pulizija u mill-FIAU, stqarr Bonnici filwaqt li saħaq li dan huwa każ serju ħafna u li mill-inkjesta li saret joħorġu diversi fatti li juru dan.
'Dan il-każ seħħ waqt li Beppe Fenech Adami kien de facto Ministru tal-Pulizija'
Min-naħa tiegħu d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona tenna li l-konklużjonijiet ta’ din l-investigazzjoni, li ddeskriviet il-każ bħala a hot potato, huma serji u fakkar kif dan kollu seħħ meta Beppe Fenech Adami kien de facto Ministru tal-Pulizija. Cardona staqsa jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni kienx se jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Beppe Fenech Adami jew inkella hux ser jagħmel bħal m’għamel fil-konfront ta’ nies bħal Jason Azzopardi, Toni Bezzina, Giovanna Debono, George Pullicino u oħrajn, li ddefendihom.
Simon Busuttil huwa komdu li jkollu Viċi Kap li manifestament għandu rizultat ta’ dan it-tip wara inkjesta minn 3 eks-Imħallfin? Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jieħu azzjoni mmedjata, saħaq il-Ministru Cardona.
'Dubji dwar il-kontijiet bankarji ta’ Beppe Fenech Adami'
Chris Cardona semma wkoll kif fl-istess perjodu tal-investigazzjoni, il-kontijiet bankarji ta’ Beppe Fenech Adami żdiedu għal ammont ta’ miljun ewro, dan iqajjem dubbji kbar li hemm bżonn spjegazzjonijiet jekk dan hux sempliċi konċidenza.
Il-Ministru tal-Ekonomija stqarr li indubjament kieku l-każ kien jinvolvi xi membru tal-Gvern u mhux lil Beppe Fenech Adami, fuq dan il-każ kienu jintalbu r-rizenji filwaqt li nsista li Simon Busuttil għandu jieħu azzjoni minkejja li m’għandux l-awtorità politika jagħmel dan għax il-PN huwa maħkum minn klikka estremista li jmexxi Beppe Fenech Adami u għax m’għandux l-awtorità morali li jagħmel dan.
Intant Fenech Adami saħaq illi r-rapport tal-inkjesta "jgħid bl-aktar mod ċar iswed fuq l-abjad li jiena qatt ma ndħalt lill-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali u kull awtorità oħra f’xi investigazzjoni li seta kien hemm. Ir-rapport jgħid bl-aktar mod ċar li jiena qatt ma abbużajt mill-pożizzjoni pubblika tiegħi. Dak li qed jgħidu l-Ministri ta’ Muscat hija gidba oħra bħall-ħafna gideb l-ieħor fuqi matul l-aħħar sena."
Fenech Adami sfida lil Cardona u Bonnici biex flok ikomplu "jigdbu fuqi, messhom jgħidu min huma ż-żewġ politiċi tal-Gvern tagħhom li ndaħlu biex każijiet ta’ traffikar tad-droga spiċċaw biex qatt ma tressqu quddiem il-Qorti."