Meditate Calypso, meditate

F'Għawdex, inbidlu l-affarijiet mal-bidla fil-Ministru? Jew kollox baqa' l-istess?  L-Editorjal tal-ILLUM dwar il-politika tal-patrunaġġ, tal-impjiegi-rigal u tan-nepotiżmu..qabel u llum...

Inutli noqogħdu nduru mal-lewża u dak li hu, ma ngħiduhx. Is-sistema mnawra ta’ klijenteliżmu u nepotiżmu sfrenat li ħaddem il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin tiegħu f’Għawdex, sistema mmexxija primarjament mill-eks Ministru Giovanna Debono, mhux biss wiritha, imma żamma eżatt kif kienet.

Il-prattiċi li konna nisimgħu li qed iseħħu f’Għawdex qabel l-elezzjoni li għaddiet, għadna qed nisimugħhom illum. Bid-differenza li qabel kellna ‘reġina’ u issa nħatar ‘re’, bid-differenza li qabel l-impjiegi jidher li kienu jitqassmu lill-ħbieb tal-ħbieb ta’ Ministru Nazzjonalista u issa qed jitqassmu lill-ħbieb tal-ħbieb ta’ Ministru Laburista. Qabel kienu jgawdu s-sostenituri ta’ Nazzjonalista u llum qed igawdu s-sostenituri ta’ Laburist. Mela fl-essenza, x’inbidel mal-bidla fil-Ministru? Ir-risposta hija ‘xejn’ ċara u tonda, mingħajr wisq tidwir.

Qabel kienu jgawdu s-sostenituri ta’ Nazzjonalista u llum qed igawdu s-sostenituri ta’ Laburist. Mela fl-essenza, x’inbidel mal-bidla fil-Ministru? Ir-risposta hija ‘xejn’

L-istorja li din il-gazzetta qed tippubblika fil-faċċata llum, hija biċċa żgħira, the tip of the iceberg ta’ dak li qed jasal għand l-ILLUM, dwar is-sitwazzjoni f’din il-gżira. Sfortunatament, mhux kollox tkun tista’ tippubblika, mingħajr ma ssallab individwu privat u mhux sistema, għalkemm se nkunu qed insegwu wħud mill-istejjer li qed jaslu għandna u fejn jidher ċar li qed isir abbuż sfrenat minn flus il-poplu biex titkompla din is-sistema li ntirtet ta’ bonanzi lil klikkek u lin-nies li wiċċhom itihom. Nies li ma jiddejqux imorru sal-Ministeru t’Għawdex u jippretendu, kważi bi dritt, li jingħataw ‘xogħol mal-Gvern, basta ma nbatux’.

Qed tara xi ħlew! F’dinja globalizzata fejn kulħadd iqatta’ bi snienu biex jasal, fejn għal kull għadma hawn miljun kelb, f’dinja fejn iż-żgħażagħ qed jitgħabbew bl-istudji, it-teżijiet u l-kotba biex jilħqu l-ambizzjoni tagħhom u f’dinja fejn qed ninkoraġġixxu l-bżulija, teżisti gżira djamant, daqs tikka, fejn il-politiċi jkejlu s-suċċess tagħhom b’kemm jagħtu xogħlijiet mal-Gvern, b’kemm se jħaddmu gwardjani ma’ grada jew b’kemm se nimlew il-Ministeru bin-nies ‘tagħna’.

Dawn il-prattiċi mhumiex biss arkajki u tal-mistħija, iżda qed joqtlu u jgħaffġu l-inizjattiva. Dawn il-prattiċi qed joqtlu kull tama ta’ meritokrazija, kull tama li niżirgħu mentalità ta’ bżulija, ta’ ambizzjoni u ta’ kapaċità. Minflok, taħt il-Gvern preċedenti u anke taħt il-Gvern preżenti Għawdxi li jrid jgħix Għawdex qed ngħidulu, ‘isma m’għandekx għalfejn tistudja ta’...oqgħod ixxamplat, tgħażżen, tagħmel xejn, imbagħad ġurnata fost l-oħrajn mur għand il-Ministru, heddu bil-vot u forsi jtik impjieg mal-Gvern iżżomm xi pala, jew tiknes, jew quddiem xi grada tilgħab b’idejk jew inkella mal-Gozo Channel. U jekk tkun fortunat, forsi anke fil-Ministeru.’

taħt il-Gvern preċedenti u anke taħt il-Gvern preżenti Għawdxi li jrid jgħix Għawdex qed ngħidulu, ‘isma m’għandekx għalfejn tistudja ta’...oqgħod ixxamplat, tgħażżen, tagħmel xejn, imbagħad ġurnata fost l-oħrajn mur għand il-Ministru, heddu bil-vot u forsi jtik impjieg mal-Gvern

Din il-linja ta’ ħsieb hija skandaluża. Iva, skandaluż li fil-ġurnata tal-lum għad għandna politiċi li jippremjaw l-għażż, huwa skandaluż li għad għandna sistema fejn l-impjieg jagħtihulek il-Ministru, fejn tmur tħabbat il-bieb tal-politiku, tniżżlu għarkopptejh u ġġiegħlu jtik xogħol. Huwa skandaluż iktar li l-politiċi, minflok ikollhom il-fibra li jieqfu għal dawn il-prattiċi, qed ikunu huma stess li jipperpetwawhom.

Issa vera, Għawdex huwa każ għalih għax f’Għawdex diffiċli toħloq ix-xogħol. Hekk jgħidu bosta u hekk hu, sa ċerta punt. L-isfida biex jinħoloq xogħol ta’ kwalità u stabbli f’Għawdex hija kbira, imma b’xi mod din l-isfida trid tkun megħluba. Żgur li mhux se tkun megħluba bl-iskemi u l-impjiegi mal-Gvern u inqas u inqas se tkun megħluba bil-promozzjoni tal-għażż, żgur mhux se tkun megħluba bl-inkompetenza grassa ta’ min jaħseb li x-xogħol huwa xi privileġġ li jingħata skont l-affinitajiet politiċi.

appoġġ lil dawk il-politiċi li se jiġġieldu għal Għawdex u se jitħabtu mhux biex int tkun watchman ma’ grada, tilgħab b’idejk, mhux biex int tkun kennies jew biex ikollok impjieg medjokri li jigglorifika l-għażż, imma li se jassiguraw b’ħidmiethom impjieg għal uliedek.

Sena mil-lum inkunu wasalna biex nivvutaw, jew diġà vvutajna. L-Għawdxin ta’ rieda għandhom opportunità jgħidu LE għal din is-sistema Nazzjonalista u issa Laburista ta’ klijentaliżmu, bażużliżmu u għażż. Jgħidu LE għal sistema ta’ pjaċiri. 

U kif? Billi int li qed taqrana u jekk int Għawdxi, tagħti l-appoġġ lil dawk il-politiċi li se jiġġieldu għal Għawdex u se jitħabtu mhux biex int tkun watchman ma’ grada, tilgħab b’idejk, mhux biex int tkun kennies jew biex ikollok impjieg medjokri li jigglorifika l-għażż, imma li se jassiguraw b’ħidmiethom impjieg għal uliedek. Nies u politiċi li se joffru soluzzjonijiet ġusti, reali u li mhumiex momentarji, imma għat-tul. 

Wasal iż-żmien li l-Għawdxin jarmu l-patrunaġġ politiku fil-landa taż-żibel u jagħtu ċans lill-politiċi, Nazzjonalisti, Laburisti jew ta’ liema kulur jixtiequ, li mhux se jwegħduhom affarijiet li ma ħaqqhomx, li mhux se jiddieħku bihom u li mhux se jġibu l-interess tal-‘issa’ qabel l-interess tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Jixraq lil Għawdex, jixraq lill-Għawdxin u jixraq lil uliedhom u ulied uliedhom. Meditate Calypso, Meditate. 

More in Politika