‘U kif jista’ jkun?’... is-sorpriżi li jista’ jkollna fl-elezzjoni

Elezzjoni kapaċi ġġib ħafna sorpriżi magħha. Sena qabel, l-ILLUM tħares lejn dawk ix-xenarji li llum ftit hemm min jimmaġina li se jiġru, imma li jistgħu...

Bħal dan iż-żmien sena, jekk kollox imur skont dak li qal il-Prim Ministru stess, inkunu qegħdin f’nofs kampanja elettorali. Kampanja li mistennija tkun waħda qalila, daqs jekk mhux iktar minn kull kampanja elettorali oħra li saret f’Malta. L-2018 se tkun l-elezzjoni li jew se ttina, it-tieni l-inqas Gvern li dam fil-poter, inċidentalment wara Gvern Laburista ieħor immexxi minn Alfred Sant, jew inkella f’każ li jirreżenja se ‘toħloq’ l-ewwel Kap Nazzjonalista minn wara l-gwerra li qatt ma kien elett fil-poter.

Jew naħa jew oħra, kemm Muscat kif ukoll Busuttil għandhom ħafna x’jitilfu u nistgħu nibqgħu ċertissimi li t-tnejn se jiġġieldu biex ma jkollhomx it-trofew ta’ wieħed li dam fost l-inqas fil-Gvern, jew agħar, li qatt ma kien fil-Gvern.

Minkejja li għad fadal sena, anke jekk il-Partit Nazzjonalista ilu in election mode għal xhur sħaħ issa, l-ILLUM tat ħarsa lejn dawk li minn issa nafu li jistgħu jkunu l-akbar sorpriżi tal-elezzjoni 2018. Mhux previżjonijiet ta’ x’se jiġri imma ta’ x’jistgħu jkunu l-aktar riżultati jew manuvri li l-inqas li qed nistennew li jseħħu

 

 

Salvu Mallia...elett mal-ewwel count

Salvu Mallia
Salvu Mallia

Salvu Mallia. Ikkulurit, jgħidha kif iħossha u vittma ta’ inġustizzja għan-Nazzjonalisti. Pastażun, arroganti u taż-żufjett għal ħafna Laburisti. Salvu Mallia huwa karikatura fih innifsu, taqbel jew le miegħu daħħal element ta’ kulur fil-politika lokali.

Ftit huma dawk li jemmnu li Mallia, li fetaħ attakk kontra l-Laburisti, akkużahom li jitfewqu flok jitkellmu, qabbel lil Muscat mal-pesta, għajjar lill-kandidat Nazzjonalista, Philip Mifsud ‘asshole’, kellu xi jgħid ma’ pulizija quddiem bank u l-aħħar li rajnieh kien liebes ta’ pirata fil-Karnival, jista’ jkun elett. Mallia huwa kollox, minbarra konvenzjonali. Kollox, minbarra dak li nassoċjaw ma’ politiku. Xellugi u liberali f’partit iktar lemini u konservattiv.

Minkejja dawn il-fatturi kollha, Mallia faċilment jista’ jattira lejh tliet tipi ta’ votanti. Votanti li tqażżew u ddardru mill-istess politikanti, ħafna faċċati qabel l-elezzjoni u pedestalli wara. Votanti liberali, li jaqblu ma’ Salvu fuq il-pożizzjoni tiegħu, notabilment fuq l-abort u votanti ta’ kwalunkwe kulur li jixtiequ jipprotestaw. Hemm ukoll votanti li ma jridux jivvutaw lill-PN, imma lesti jivvutaw lil Salvu għax huma attirati lejn l-istil differenti tiegħu. Il-baqra tinbiegħ kollha, jgħidu, u dak li huwa goff u skifuż għalik, jista’ jkun attraenti għal ħaddieħor.

Salvu Mallia jista’ jkun Deputat Nazzjonalista fi ftit xhur oħra. U jekk jiġri dan, ċerti li ħafna ġurnalisti jibdew jitolbu huma stess biex imorru l-Parlament, għax min jaf x’divertita ssir is-seduta.

Aħjar l-Ispeaker jitlob lil Renzo Piano jiddiżinjalu kennel, għal li jista jinqala’.

 

 

Patrijott’ fil-Parlament

Henry Battistino - Moviment Patrijotti Maltin
Henry Battistino - Moviment Patrijotti Maltin

L-Għaqda Patrijotti Maltin hija prattikament entità non-eżistenti għall-midja lokali. Ħadd ma jitkellem dwarhom u ftit jekk xejn jingħataw attenzjoni. Minkejja dan, dan kollu ma jfissirx li on the ground, il-Patrijotti ma qabdux art, bl-għajta tagħhom ta’ ‘Malta tal-Maltin mhux tal-Barranin.’ B’popolazzjoni dejjem tikber ta’ persuni barranin li sabu impjieg f’pajjiżna, primarjament minħabba tkabbir qawwi f’ċerti setturi, il-Maltin ma tantx qed iħarsu b’mod favorevoli lejn dak li l-Patrijotti jiddeskrivu bħala ‘invażjoni’.

Il-Patrijotti jistgħu jattiraw lejhom tliet tipi ta’ votanti. Votanti Laburisti li jridu jirreġistraw vot ta’ protesta. Votanti li verament jemmnu li hawn ‘invażjoni’ u li Malta se tinbela’ taħt il-madmad tal-barrani, u votanti Nazzjonalisti li ma jaslu qatt jivvutaw Labour, imma li mhumiex kuntenti bit-tmexxija tal-Partit.

Il-prospett ta’ Patrijott fil-Parlament jibqa’ wieħed remot, remot daqs iċ-ċans li kull partit ‘żgħir’ ieħor waħdu jeleġġi deputat. Kull partit irid jikseb madwar 17% tal-unijiet, jiġifieri biex nagħtu eżempju, fit-tnax il-Distrett li jinkludi Buġibba u l-Qawra, fejn il-kwistjoni tal-barranin f’pajjiżna hija aktar reali, Patrijott ikun jeħtieġ iġib 3,835 vot* biex ikun elett

(*ibbażata fuq voti validi mitfugħa fuq dan id-distrett fl-2013)

 

Il-Labour jitlef l-elezzjoni...Muscat lura fl-Oppożizzjoni

Li l-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss mhux sorpriża, anzi huma ħafna dawk li għadhom qed jipprevedu rebħa, anke jekk iżgħar sew minn dik tal-2013, għall-Partit Laburista.

Imma elezzjoni, hija elezzjoni u daqs kemm għandu ċans jirbaħ Muscat, daqshekk ieħor għandu ċans jitlef.

Jekk il-Partit Laburista jitlef l-elezzjoni, tkun kundanna qawwija ħafna fuq il-Gvern ta’ Joseph Muscat u l-maġġoranza tal-poplu jkun ta l-agħar ġudizzju politiku fuq leġiżlatura kompluta mill-1964, jiġifieri mill-Indipendenza.

Telfa għal Muscat fl-elezzjoni li jmiss tista’ tiġi minħabba diversi fatturi. L-ewwel, l-idea li l-Gvern Laburista permezz tal-‘Panamagate’ ħammeġ idejh wisq kmieni fil-ħajja politika tiegħu, it-tieni li hemm min fil-Gvern mhux bill subgħajh fis-sassla, imma daħal jinħasel fiha, it-tielet, li Gvern Laburista ma ġabx il-bidla li xtaq. Ir-raba’ u l-aħħar raġuni li tista’ twassal għal telfa għal Muscat hija li ħafna Laburisti jiddeċiedu li jibqgħu d-dar u ma jivvutawx minħabba li ‘ma nqdewx’ jew inkella għax iħossu li l-partit ‘nesiehom.’

Jekk il-Labour jitlef l-elezzjoni li jmiss, l-ewwel previżjoni post-elettorali tkun li se jdum sew fl-oppożizzjoni.

 

Simon isir it-tmien Prim Minstru ta’ Malta

Ma’ din il-gazzetta, Simon Busuttil kien qal li jinsab “ċert” li se jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dan mhux neċessarjament jaqblu miegħu ħafna, fil-PN u lil hinn minnu.

Imma elezzjoni hija elezzjoni, u Busuttil xorta għandu ċans jirbaħ, minkejja li għadu jinsab wara Muscat fil-livell ta’ kemm huwa fdat, filwaqt li skont l-istess sondaġġi tal-MaltaToday, huwa fdat daqs Muscat fuq l-aktar kwistjoni li fuqha qed jiġġieled, il-korruzzjoni.

Jekk il-PN jirbaħ l-elezzjoni li jmiss, kontra dak kollu mistenni, ikun għamel dan grazzi għall-kampanja ma’ taqta’ xejn kontra dak li jsejjaħ ‘l-aktar Gvern korrott li qatt kellha Malta.’ Ikun ifisser li l-kampanja qalila u l-istampa apokalittika ta’ Malta bħalissa, impinġija mill-istrateġisti tal-PN, ħadmet. Jekk Busuttil jirbaħ l-elezzjoni li jmiss, (bl-ebda kwistjoni jew ‘skandlu’ mitfugħ fuq ħoġor il-PN fl-aħħar ġimgħat qabel il-vot), ikun ifisser li l-maġġoranza tal-poplu ddeċiediet fuq il-governanza, mhux fuq l-ekonomija jew il-prospetti ta’ xogħol. Il-poplu jkun għażel li jtella’ lil Busuttil biex iħallas lura lill-Gvern għall-każ ‘Panama’.

Jista’ jkun ukoll li biżżejjed Laburisti diżillużi jibqgħu d-dar u Busuttil isib lilu nnifsu tiela’ t-taraġ ta’ Kastilja, forsi mingħajr ma stenna hu stess u grazzi għal dawk li ma jaqblu kważi f’xejn miegħu.

 

Mizzi jġib aktar voti minn Fearne fir-raba’ distrett

Konrad Mizzi | Chris Fearne
Konrad Mizzi | Chris Fearne

Minkejja kull forma ta’ ħbiberija li tista’ tidher bejn Fearne u Mizzi, huwa fatt magħruf fost ħafna fil-Partit Laburista li Fearne u Mizzi huma kompetituri ħorox fuq ir-raba’ distrett.

Fl-2013, Konrad Mizzi kien ġab it-tieni l-akbar numru ta’ voti wara l-Prim Ministru Joseph Muscat fuq dan id-distrett. Muscat kien ġab 12,202 voti tal-ewwel preferenza b’ħafna jagħtu t-tieni preferenza lil Mizzi, li ġab 1,002 voti mal-ewwel count, imma mbagħad 5,265 mat-tieni. Fearne, persuna ġdida sal-elezzjoni li għaddiet bħal Konrad Mizzi, ġab 1,023 mat-tieni għadd, inqas minn Silvio Parnis.

Din id-darba l-affarijiet jistgħu jinbidlu waħda sew fuq dan id-distrett. Mizzi jinsab imtaqqal sew mill-każ ‘Panama’ u skont is-sondaġġi tal-MaltaToday, hu fost l-inqas popolari bħala Ministru, kemm mal-popolazzjoni u anke fost il-Laburisti. Min-naħa l-oħra, Fearne huwa ġġudikat bħala l-Ministru favorit ta’ 52.3% tal-popolazzjoni u popolari fost 71% tal-votanti tradizzjonalment Laburisti.

Imma Mizzi jista’ jġib aktar voti minn Fearne, l-aktar jekk jintuża l-power of incumbency. Huwa politikament ħafna iktar b’saħħtu minn Fearne u għandu taħt idejh ħafna korporazzjonijiet u proġetti, fosthom l-Enemalta u Projects Malta. Dan ifisser li jista’ juża ħafna aħjar l-poter li għandu biex ‘jaqdi’ jew ‘jgħin’ lil ċerti nies tad-distrett.

 

Il-Partit Laburista jġib maġġoranza f’Għawdex

Anton Refalo
Anton Refalo

Għal żmien twil, Għawdex kienet dik li nsejħulha ‘fortizza’ tal-Partit Nazzjonalista. Il-figuri jitkellmu waħedhom. Il-Partit Nazzjonalista rebaħ Għawdex f’kull elezzjoni ġenerali mill-1976 sal-2008. Ma vvutawx ‘mal-Gvern’ fl-1981 meta l-PN ġab 3,177 vot aktar mill-MLP u lanqas fl-1998 meta l-PN kien għadda lill-Partit Laburista b’2,795 vot. Il-Partit Nazzjonalista rebaħ it-tlettax-il distrett fi tmien elezzjonijiet, kull elezzjoni mill-1976.

Il-Partit Laburista, fil-verità qatt ma rebaħ dan id-distrett bil-vot popolari f’elezzjoni ġenerali, lanqas fl-2013, anke jekk tella’ maġġoranza ta’ Deputati. Fil-fatt, fl-2013 il-PN ġab 12,551 vot filwaqt li l-PL ġie qrib ħafna bi 12,311-il  vot.

Jekk il-Partit Laburista, minkejja li qiegħed fil-Gvern u minkejja li ġeneralment il-partit jitlef mhux jirbaħ il-voti, jikseb maġġoranza f’Għawdex, din tkun l-ewwel darba fl-istorja politika.

Ir-raġunijiet għal din jistgħu jkunu tlieta. Is-saħħa tal-kandidati Laburisti f’Għawdex, primarjament Anton Refalo u l-fatt li l-persuna li tgawdi mill-istess saħħa politika mix-xaqliba politika l-oħra mhux se tikkontesta (Giovanna Debono). It-tieni raġuni tista’ tkun il-fatt li l-mutur ekonomiku, anke jekk baqa’ jserraħ kważi biss fuq it-turiżmu, qed idur sew u hemm min qed idawwar ewro tajjeb u l-aħħar raġuni tkun il-power of incumbency tal-Gvern imma speċjalment tal-Ministru Refalo.

 

Muscat jippubblika u jkeċċi

Joseph Muscat huwa annimal politiku, chess player u strateġista stuż ħafna. Bl-Ingliż, kieku kellna nużaw kelma bl-Ingliż, ngħid li huwa ‘politiku li jissopravivi’. Sakemm m’hemmx forzi jew raġunijiet oltrè minn dak li jaf il-pubbliku, bħal xi obbligi politiċi jew wegħdi li saru u li nżammu sigrieti, huwa prattikament inkredibbli li Muscat jipperikola l-posterità politika tiegħu daqstant minħabba persuna waħda u kwistjoni waħda: Il-Panama

Jista’ jkun li Muscat qed jistenna l-mument propizju biex jieħu deċiżjoni li tant qalulu li missu ilu li ħa, dwar kwistjoni li tatu l-akbar daqqa ta’ ħarta politika. Ngħiduha, kif inhi, il-każ Panama u l-kumpanija ta’ Konrad Mizzi hija l-għerq ta’ ħafna mir-rabja u diżillużjoni u anke emoraġija li sofra l-Partit Laburista.

Teoretikament, l-investigazzjoni mill-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) fil-kontijiet ta’ dawk kollha implikati fil-Panama Papers għadha għaddejja. Imma għadna ma smajna xejn dwarha u dwar il-konklużjonijiet tagħha.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li d-Direttur il-ġdid tal-FIAU Kenneth Farrugia għandu jippublika dawn il-konklużjonijiet. Imma r-regoli jagħmluha ċara li kwalunkwe uffiċjal li jagħmel pubbliku l-informazzjoni minn investigazzjoni tal-FIAU jkun fil-periklu li jlaqqat piena ta’ ħames snin ħabs.

Dan iħallina bil-Prim Ministru. The buck stops with him, mhux hekk? Jekk se tiġi għal Muscat li jiddeċiedi meta jippubblika, dan se jippubblika meta jkun l-aktar li jaqbel lilu u lill-Partit Laburista. Jekk wieħed jaħseb u jixtarr iktar, malajr jinduna li għalih u għall-Partit Laburista, l-aktar mument propizju u vantaġġjuż ikun qabel kampanja elettorali li l-PN se jipprova jdawwar f’referendum dwar il-każ ‘Panama’.

Darba, Joseph Muscat kien qal hekk: “ir-riżenja ta’ Anġlu Farrugia tirrifletti d-differenza fl-istandards bejn iż-żewġ partiti, b’dawk fil-Partit Laburista jerfgħu r-responsabbiltà u Austin Gatt tal-PN jibqa’ jaħrab minn vot ta’ sfiduċja sal-aħħar.”

Neħħi isem Farrugia u biddlu b’ta’ Konrad, neħħi ta’ Austin Gatt u biddlu b’xi ħadd li l-PL qed jagħmel akkużi dwaru (Toni Bezzina, Beppe Fenech Adami...), u għandek is-somma lesta. 

Muscat neħħa lil Mallia u lil Falzon. Jekk Egrant vera mhux tiegħu, jew m’hemmx provi ta’ dan, u ħadd mhu qed jirrikattah, Mizzi is on his way out, f’sorpriża pre-elettorali li tista’ tħalli lill-PN jittewweb. 

 

Din l-analiżi kienet ippublikata fil-ħarġa tal-Ħadd li għadda tal-gazzetta ILLUM

More in Politika