‘Simon tina l-flus lura’

SMS mingħand Silvio Debono lil Simon Busuttil qajjem tromba politika oħra, li ddominat ix-xena politika lokali matul il-ġimgħa. X’ġara s’issa? Min mar minn fuq u min mar minn taħt? L-ILLUM tanalizza...

Bħal-lum ġimgħa, Malta xegħlet f’diskussjoni ma taqta’ xejn dwar kwistjoni li bdiet tiżviluppa minn ħin għall-ieħor. Kollox beda b’artiklu fuq il-gazzetta oħt, Maltatoday, li fiha kien irrapurtat kif il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco, jew aħjar il-kumpanija li jmexxi, Guido Demarco and Associates, innegozjat il-konċessjoni li tat l-art tal-ITS lill-kumpanija DB San Ġorġ.

Il-fatt li De Marco kien wara dan din il-konċessjoni, ikkritikata minħabba l-valur marbut mal-art mill-Kap tal-PN Simon Busuttil wasslet biex il-kanuni jduru fuq De Marco.

Nies li kitbiethom jew il-vuċi tagħhom għandha influwenza konsiderevoli fil-Partit Nazzjonalista, bħal Daphne Caruana Galizia u David Thake, indikaw b’mod ċar li post De Marco m’għadux tenibbli. Busuttil, anke jekk kien ilu jaf bl-istess rabta ta’ De Marco, qal li hu kien talab lill-viċi kap tiegħu biex jagħżel, jew il-konsulenza mas-sidien tas-Seabank jew inkella l-pożizzjoni tiegħu fil-PN. Din l-istqarrija kienet imgiddba minn De Marco stess li qal li mhu vera xejn li Busuttil tah din l-għażla.

DB San Ġorġ Property se tħallas €15-il miljun fi flus kontanti: depożitu ta’ €5 miljuni u mbagħad pagament ta’ €10 miljuni, li jitħallsu darba fis-sena għal seba’ snin. Il-bqija tal-flus se jkunu qed jiġu minn ċnus. Dan biex il-Gvern seta’ ta l-art b’konċessjoni għal 99 sena. DB marbutin jiżviluppaw fi żmien stipulat u qed iwiegħdu investiment ta’ €300 miljun u mijiet ta’ impjiegi ġodda.

SMS li qajjem pandemonju...

Imma, dik kienet biss il-quċċata tal-kwistjoni kollha. SMS li bagħat Silvio Debono, negozjant li għal snin twal kien qrib tal-PN, lil Simon Busuttil fetħet kaxxa ta’ Pandora.

Minn kmieni l-Ħadd waranofsinhar, il-kwistjoni bdiet tiżviluppa minn ħin għal ħin. Sirna nafu li din il-kumpanija, is-sena l-oħra biss, tat €78,000 lill-PN. Iktar tard, il-PL allega li kien il-Kap tal-PN Simon Busuttil stess li talabhom, personalment mingħand Silvio Debono. Min-naħa tiegħu, Busuttil qal li mhux lest li jkun mhedded u qal li kull donazzjoni li tingħata lill-PN, tingħata bona fede, mhux bi stennija ta’ obbligu lura.

Busuttil ma messu qatt aċċetta flus mingħand nies li għalihom il-partit huwa biss ATM...iktar u iktar ma messu qatt u qatt mar hu jitlob l-istess flus

Il-kumpanija ma ċedietx l-armi, u malajr u żvelat kif kien il-PN stess, sa nhar is-Sibt li għadda li staqsa għall-flus/donazzjonijiet. Intant, nhar it-Tlieta l-istazzjon tal-Partit Laburista allega li Busuttil kellu żewġ laqgħat separati ma’ Silvio Debono, waħda li fiha ntalab il-ħlas għall-paga tas-Segretarju Ġenerali Rosette Thake u laqgħa oħra fl-2014 biex il-paga tal-Kap Eżekuttiv Brian St. John, titħallas mill-flus tal-kumpanija DB wkoll.

Il-PN żamm sod mal-pożizzjoni tiegħu u qal li l-flus kienu kollha parti minn arranġament kummerċjali mal-MediaLink, il-kumpanija tal-Media tal-PN u li DB ħadet lura b’riklamar, għal flus li kien ta.

Il-Partit Laburista qed jisfida lill-PN biex jippubblika dawn l-invoices li suppost għandhom ikunu prova li r-relazzjoni bejn il-PN u DB, kienet vera waħda kummerċjali u mhux li l-kumpanija kienet mitluba direttament tħallas il-pagi ta’ tnejn mill-ogħla uffiċjali tal-PN, b’pagi pjuttost eżorbitanti.

Imma, f’dan l-iskandlu kollu, f’dik li nistgħu nsejħulha ‘DB-gate’. Min tilef u min rebaħ? Politikament, minn mar minn fuq u min ħa daqqa ’l isfel? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn ir-riperkussjonijiet politiċi li DB-gate kellha fuq il-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista, fuq Mario De Marco u anke fuq is-sistema politika, lokali kollha kemm hi.

 

DB-gate: daqqa għal Simon u l-‘koalizzjoni’ rebħa pirrika għal-Labour

L-ewwel vittma ovvju ta’ din is-saga kollha, huwa Simon Busuttil. Mhux qed ngħiduh aħna biss dan, qalu wkoll l-editorjal tal-gazzetta The Times li ddeskriva l-ġimgħa li wasslet biex tgħaddi bħala l-agħar għall-PN mit-telfa kbira ħafna li ġarrab fl-2013. Imma għalfejn hija daqstant ta’ ħsara għall-PN u speċifikament għal Busuttil, din l-istorja?

L-allegazzjoni li l-PN, mhux talli aċċetta imma talli kien hu stess li talab dawn il-flus, jitfa’ dell pjuttost serju fuq Busuttil. Għax anke jekk qed jgħid li mhux se jħalli ‘donazzjoni/flus’ taffetwa kif jaħseb u xi jgħid u anke jekk nemmnuh meta jgħid dan, jibqa’ fatt li espona lilu nnifsu għal kritika ta’ inġenwità u nuqqas serju ta’ ġudizzju politiku.

Huwa impossibbli li Busuttil, jekk vera kien hu li talab biex jitħallsu żewġ pagatelli tal-Partit, ma rrealizzax illi dawn ‘id-donazzjonijiet’ se joħolqu obbligu

Huwa impossibbli li Busuttil, jekk vera kien hu li talab biex jitħallsu żewġ pagatelli tal-partit, ma rrealizzax li dawn ‘id-donazzjonijiet’ se joħolqu obbligu. Huwa improbabbli fl-estrem li Busuttil ma rrealizzax il-kunċett, sfortunat imma vera, li ħadd ma jagħmel xejn għal xejn, l-ebda miljunarju mhu se jħallaslek żewġ pagi u ma jistenna xejn lura.

Il-mument li l-PN aċċetta dawn il-flus, speċjalment jekk kien hu li talabhom u iktar u iktar jekk talabhom għal pagi speċifiċi, aċċetta inevitabbilment li jkun kompliċi f’sistema mnawra ta’ ‘ħokkli dari ħa nħokklok tiegħek’.

Jekk il-PN u speċifikament Busuttil kien lest li jidħol f’dik li tista’ faċilment tidher bħala tranżazzjoni finanzjarja, allegatament ta’ €78,000 f’sena waħda biss, mela allura messu kellhu ħażen biżżejjed biex jinduna li fi tranżazzjoni simili, tieħu, imma trid tagħti wkoll.

Busuttil fuq in-NET TV qal ‘this is not my mess’, meta fil-fatt, ‘the mess is none other than one of his own making’. Jekk huwa veru li Busuttil mar hu u kien hu stess li talab il-flus mingħand Silvio Debono biex iħallas il-pagi ta’ Rosette Thake u ta’ Brian St John, nistgħu naslu għal tliet konklużjonijiet.

L-ewwel: Busuttil huwa kompletament nieqes mill-ġudizzju politiku meħtieġ minn kwalunkwe kap ta’ partit għax lanqas biss induna li t-talbiet tiegħu se joħolqu obbligu. It-tieni: Busuttil huwa verament politiku onest (forsi onest iżżejjed) li ħaseb li Debono kien qed iħallaslu l-pagi, għalxejn, gratis, għax qalbu perżuta għall-Partit Nazzjonalista u allura jħoss li ma kellu jiġri xejn billi jiftaħ il-kanuni fuq il-konċessjoni ta’ art lill-kumpanija DB. It-tielet: Simon Busuttil huwa politiku diżonest li kien jaf li meta jaċċetta l-flus, se joħloq obbligu, li kien komdu b’dak l-obbligu u li ħaseb li jista’ jostor dawn id-donazzjonijiet/flus li probabbilment il-PN ilu jirċievi għal snin sħaħ.

Hi x’inhi, Busuttil ma messu qatt aċċetta flus mingħand nies li għalihom il-partit huwa biss ATM li fiha titfa’ u toħroġ il-flus. Iktar u iktar, Busuttil ma messu qatt u qatt mar hu jitlob l-istess flus.

Nar fuq il-kolla tal-‘koalizzjoni kontra l-korruzzjoni’

Jekk, il-Kap Nazzjonalista qala’ majnata, majnata ikbar qalgħeta l-‘koalizzjoni kontra l-korruzzjoni’, kif qed issejjaħ lill-PN, Busuttil.

Ftit sigħat biss wara li ħareġ dan il-każ u anke fuq din il-gazzetta fuq paġna 19, l-eks Deputata Laburista u issa Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia tagħmilha pjuttost ċara, għalkemm ma tkunx espliċita, li l-koalizzjoni prospettiva mal-PN ħadet daqqa tajba, jekk mhux daqqa mortali.

Fi stqarrija nhar it-Tnejn, Farrugia qalet hekk: “Il-ftit tama li l-familji kellhom fit-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista, ġie mormi bl-istess mod li ntremiet il-fiduċja li tefa' fil-Moviment Laburista erba' snin ilu." Illum, f’artiklu għal din il-gazzetta, Farrugia, apparti li tikkritika lil Toni Bezzina tikteb hekk: “Ħallikom mill-partiti vvizzjati, agħżlu s-sinċier, agħżlu l-ġdid....agħżlu l-PD.” Dan anke jekk għall- mistoqsija tal-ILLUM jekk dan kollu jfissirx li l-possibbiltà ta’ koalizzjoni issa hija mejta, hija wieġebet ‘Le’.

Imma Farrugia, li minn kull stħarriġ li sar riċentement mill-MaltaToday, jidher li qed tieħu voti ta’ Nazzjonalisti, mhux waħedha. Dan il-każ irnexxielu, sa ċertu punt, ipinġi lis-sistema kollha b’żebgħa sewda. Busuttil huwa parti minn din is-sistema u l-idea li hu jew il-PN fil-fatt qed jagħmlu ftehim jew qbil minn wara dahar in-nies għall-finanzjament tal-PN, heżżeż il-pedamenti diġà dgħajfin tal-PN dwar il-governanza.

F’għajnejn mijiet, jekk mhux eluf, dan il-każ huwa konferma tal-idea, diġà b’saħħitha fil-forma mentis kollettiv li ‘t-tnejn l-istess’, ‘it-tnejn maħmuġin’ u li ‘m’hemmx x’tagħżel’.

Huwa dan l-akbar għadu tal-PN u ta’ din il-‘koalizzjoni kontra l-korruzzjoni’. L-idea li fil-fatt il-‘koalizzjoni’, li l-uniku kolla li tgħaqqadha hija l-‘korruzzjoni’, hija korrotta jew giddieba wkoll. Muscat u l-Partit Laburista se jagħmlu minn kollox biex każi bħal din tad-DB jibqgħu jqumu minn issa sal-elezzjoni ġenerali u bħan-nar, iddewbu l-kolla li tgħaqqad il-‘koalizzjoni’.

Partit Laburista: Rebħa Pirrika

Il-Partit Laburista jħoss li għamel rebħa u li dan il-każ seta’ qed jirrijinforza l-appoġġ lejh, filwaqt li jdgħajjef lill-Partit Nazzjonalista. Dan l-argument huwa difettuż fuq diversi fronti.

L-ewwel u qabel kollox, il-Gvern preżenti la hu perċeput li hu nadif u lanqas li mhux qed jiffoxxna. Il-Gvern u l-Partit Laburista jafu sew li l-immaġini tal-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam mal-governanza, ikkrollat u l-ebda DB-gate mhu se tnessi l-Panama-gate. Għalhekk, l-akbar tama tal-PL huwa li jagħti biżżejjed majnati lill-PN biex ipinġih ‘maħmuġ ukoll’, u b’hekk ineħħi mill-PN l-unika vantaġġ li jista’ għandu fuq il-PL, jiġifieri li għandu immaġini aktar ‘nadifa’.

Fuq dan il-front, il-Partit Laburista għamel rebħa.

Imma r-rebħa hija pirrika u momentarja. Hija ftit konsolazzjoni li partit li għamel 25 sena fil-Gvern huwa ‘maħmuġ’ daqs partit li ilu erba’ snin fil-Gvern u jekk il-PL qed jaħseb li dan l-iżball serju min-naħa ta’ Busuttil se jagħtih l-assoluzzjoni biex ma jweġibx jew ma jieħux azzjoni dwar il-każ Panama, sejjer żbaljat.

Bħalissa, settur vast tal-popolazzjoni jidher li qed tiddeċiedi li taqta’ qalbha mill-politiċi, filwaqt li forsi xorta lesta tagħżel ‘l-aħjar mill-agħar’, għall-inqas fuq il-kwistjoni ta’ governanza. F’dan is-sens, erba’ snin biss wara vot qawwi għall-bidla, ir-rebħa numerika u strateġika tal-PL issir irrelevanti fl-isfond ferm aktar wiesgħa.

In-negozju u l-politika: Taħlita letali

In-negozju għandu l-għan li jimraħ biex jimmassimizza l-profitt. Il-politika għandha l-għan li timraħ biex toħloq ambjent fejn jikber in-negozju u jinħoloq ix-xogħol. Il-politika ma nistgħux ngħixu mingħajrha, bħalma ma nistgħux ngħixu mingħajr dawk li joħolqu x-xogħol.

Imma meta n-negozju u l-politika jsiru ħaġa waħda, hemmhekk ikollok il-problemi u problemi serji. Meta l-għan ta’ politiku jsir li jimmasimizza l-profitt ta’ kumpanija jew negozju, ikun qed jilgħab wisq f’idejn in-negozju u joħloq preċedent ikrah.

Jekk in-negozjant se jibqa’ jara lill-politiku bħala l-‘għajn’ li minnha jiddependi biex jixrob, mela allura se jibqa’ jippompja l-flus fejn l-aktar li jħoss li għandu ċans li jikber. U kemm idum isir hekk, iktar se jdum iċ-ċirku, li issa ilu għaddej snin twal, ta’ partiti fil-Gvern li jew fir-realtà jew fil-perċezzjoni jkunu wisq qrib ta’ negozji u allura jiddependu wisq minnhom.

Bħalissa, settur vast tal-popolazzjoni jidher li qed jiddeċiedi li jaqta’ qalbu mill-politiċi, filwaqt li forsi xorta lesta tagħżel ‘l-aħjar mill-agħar’

Din l-istorja diġà rajnieha fil-każ ta’ Gaffarena. Nies li dejjem kienu jappoġġjaw lill-PN kemm dam fil-Gvern, u issa jħossuhom aktar komdi mal-Labour. Xejn ħażin b’daqshekk u jekk Gvern Laburista qed joħloq klima tajba biex jinħoloq aktar xogħol, mela jagħmlu sew li jħossuhom komdi ma’ Gvern Laburista.

Imma jekk jibdew jinħolqu l-obbligi, il-Prim Ministru Muscat jista’ jibqa’ ċert li llum niżlet il-giljottina fuq il-PN u għada tinżel fuq il-PL.

Mario De Marco: Jirreżenja jew jibqa’?

Mhux xi sigriet li hemm min fil-PN stess li ma tantx jieħu gost jara lil De Marco fuq quddiem. Mhux sigriet li hemm kwartieri fil-PN li jixtiequ ras De Marco fuq platt, illum qabel għada.

L-istorja li De Marco, permezz ta’ Guido De Marco & Associates, mexxa l-konċessjoni tal-art għall-kumpanija ta’ Silvio Debono, poġġietu f’sitwazzjoni antipatka fil-partit, li kien qed jikkritika l-istess konċessjoni. Minkejja li fil-fatt huwa ma baqax jirrapreżenta lill-kumpanija fuq dan il-proġett partikolari, l-istorja xorta imbarazzatu u tefgħetu fuq l-attakk, għal darb’oħra mhux mill-PL imma minn kwartieri fil-PN stess.

Lil hinn minn dan kollu, sena qabel elezzjoni ġenerali, il-PN ma jistax ikollu sitwazzjoni agħar milli jkollu Viċi Kap tal-Partit taħt attakk, anke jekk minn taħt. Dwar De Marco, Simon Busuttil għamel żball kardinali, meta ftit żmien ilu deher iktar qed jippilla għal Salvu Mallia milli għal De Marco. Dan kompla żied mal-idea li fil-PN hemm moviment li qed jikber, jiqliel u li issa qed isir dejjem iktar pubbliku ta’ nies li m’għandhomx pjaċir b’De Marco.

Il-pożizzjoni ta’ De Marco fl-istrutturi tal-partit illum hija jew tidher li hija waħda dgħajfa. Dawk fil-PN li ma jixtiequ xejn ħlief li jdgħajfu lil De Marco, qed jinsew li b’De Marco dgħajjef kif inhu, se jkun il-PN kollu li se jidħol għall-kampanja elettorali bi dgħjufija u żvantaġġ pjuttost ikrah. 

More in Politika