‘Għal kull ksur ta’ liġi jeħtieġ ikun hemm sanzjoni’

Franco Debono jgħid illi jekk l-Kummissjoni Elettorali ssib li nkissret il-liġi fil-każ ta' donazzjonijiet lill-PN għandhom jiskattaw sanzjonijiet

Franco Debono, il-moħħ wara abozz li jirregola l-finanzjament tal-partiti mal-Ministru li introduċa l-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti
Franco Debono, il-moħħ wara abozz li jirregola l-finanzjament tal-partiti mal-Ministru li introduċa l-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti

Franco Debono, il-moħħ wara abbozz dwar il-finanzjament tal-partiti li tressaq quddiem il-Parlament fl-2012, qal mal-ILLUM li jekk il-Kummissjoni Elettorali tiddetermina li fil-każ tad-donazzjonijiet jew flus li allegatament ingħataw mill-kumpanija db lill-PN inkissret il-liġi, għandhom jiskattaw is-sanzjonijiet, “legali u politiċi.”

 “Għal kull ksur ta’ liġi hemm bżonn sanzjoni,” saħaq Debono, li fakkar kif il-liġi tal-finanzjament tal-partiti tispeċifika ċerti multi jew penali li għandhom ikunu imposti f’każ ta’ ksur tal-liġi.

Il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti, li daħlet fis-seħħ fl-2016, tagħmilha ċara li ‘Partiti politiċi m’għandhomx jirċievu donazzjonijiet li jkunu aktar minn €25,000 matul sena kalendarja waħda, mill-istess sors.” Il-liġi tgħid ukoll li grupp ta’ kumpaniji, jew kumpaniji kkontrollati mill-istess persuna jitqiesu bħala sors wieħed.

Il-Kumpanija db qalet li s-sena l-oħra biss, tat €77,000 lill-PN, jew €52,000 aktar minn dak permess bil-liġi. Il-PN qed jirrifjuta dawn l-akkużi u jsostni li l-flus li ngħataw kienu purament marbutin ma’ ftehim kummerċjali.

Il-multi għall-partit li jikser il-liġi ma jaqbżux il-€50,000

Il-liġi kif imressqa mill-Gvern preżenti tispeċifika li multi f’każ ta’ ksur ta’ partijiet mill-att li jkopru l-finanzjament tal-partiti, ma jistgħux jaqbżu l-€50,000 u ma jistgħux jaqbżu l-€5,000 għal kull ġurnata li matulha jkompli r-reat.

Mal-ILLUM, Franco Debono, eks Deputat Nazzjonalista u llum konsulent tal-Prim Ministru għar-Riforma tal-Ġustizzja, sostna li, “l-liġi li saret għandha tkun applikata u allaħares ma tkunx. L-ironija trid,”  saħaq Debono, “li meta jien kont qed nipproponi liġi tal-finanzjament tal-partiti kien hemm min qed jirċievi r-rigali mingħand in-negozjanti.”

Debono kien pjuttost skjaċċanti wkoll fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u staqsa għalfejn dan m’għamel xejn meta kien Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, dak iż-żmien fil-Gvern. “Simon hemm kien,” sostna Debono, “qatt ma ta każ abbozz ta’ liġi li kien fuq il-mejda tal-Parlament għal sena, għalfejn qatt m’għamel xejn?” staqsa Debono.

L-avukat, li ma’ din il-gazzetta indika b’mod ċar li se jkun qed jissottometti ismu għal fuq il-kandidatura Laburista, sostna li Busuttil “biddel il-lasti għax inqabad.”

Intant, huwa temm jgħid li dan il-każ ta’ allegat donazzjonijiet li l-grupp db qed jgħid li ta lill-PN tat “daqqa ta’ ħarta għall-kunċett ta’ finanzjament mill-istat. Għax jekk lanqas il-partiti nfushom m’huma lesti jżommi mar-regoli, kif se jkunu lesti n-nies li jiffinanzjawhom minn buthom?”

More in Politika