Skont Marlene, il-PN għandu bżonnha jekk irid ikun Gvern alternattiv

Mal-illum.com.mt Marlene Farrugia tgħid li l-koalizzjoni mal-PN għadu possibilità għax skont Farrugia 'l-PN ma jistax iġedded lilu nnifsu minn ġewwa'

Marlene Farrugia ma' Simon Busuttil
Marlene Farrugia ma' Simon Busuttil

“Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jippreżenta lilu nnifsu bħala Gvern alternattiv kredibbli, mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Partit Demokratiku.” Dan huwa kliem Marlene Farrugia mal-illum.com.mt  meta mistoqsija jekk l-istqarrijiet riċenti tal-PD u tagħha stess ifissrux it-tmiem ta’ prospetti għall-koalizzjoni bejn il-PD u l-PN.

Farrugia sostniet li dan mhux il-każ, għax qalet li, “l-PN jista’ jiġġedded minn barra,” minħabba li skont Farrugia, “ma jistax jafda lilu nnisfu li ma jerġax imur lura fit-tajn tal-passat li għandu komuni mal-Labour.”

Kemm wara li bdew ħerġin id-dettalji tal-każ kif ukoll illum, f’artiklu li kitbet għall-gazzetta ILLUM, il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia kienet kritika ħafna tal-Gvern, imma kritika wkoll tal-PN. Nhar it-Tnejn, Farrugia qalet li “l-ftit tama li l-familji kellhom fit-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista, ġie mormi bl-istess mod li ntremiet il-fiduċja li tefa' fil-Moviment Laburista,” filwaqt li fl-artiklu miktub fuq din il-gazzetta ħeġġet lill-votanti biex ma jagħtux iktar każ il-partiti ‘vvizzjati’.

Mistoqsija jekk dawn humiex kollha sinjali ta’ daqqa tal-mewt għall-koalizzjoni mal-PN, Farrugia wieġbet fin-negattiv. “Kif nafu, il-PN ma jistax iġedded lilu nnifsu minn ġewwa, għax huwa ovvju li bħalissa għandu kwistjonijiet miegħu nnifsu, ma jistax jafda lilu nnisu li ma jerġax jegħreq fit-tajn tal-passat, li kellu l-istess bħal-Labour.”

Farrugia saħqet li l-PD se jibqa’ għaddej b’diskussjonijiet ta’ koalizzjoni. “Aħna qed infittxu li nagħmlu koalizzjonijiet ma’ persuni li jaħsbuha bħalna, minn kwalunkwe kamp politiku. Nies li jaqsmu magħna r-rispett lejn il-ħajja umana,” kompliet tgħid Farrugia.

Farrugia fakkret li l-PN huwa l-akbar grupp politiku fl-oppożizzjoni. “Jekk jirnexxilna nikkonvinċuh jaqbel magħna, imbagħad ikun f’idejn in-nies li jiddeċiedu jekk jivvotawx lilna bħala assigurazzjoni li Gvern ta’ koalizzjoni ma jkunx travestija bħal dan il-Gvern,” temmet tgħid Farrugia. 

More in Politika