Filmat | Iż-żgħażagħ jipprotestaw.....il-Laburisti jeżaltaw

Waqt li l-moviment Graffitti ipprotesta dwar l-għoti tal-art...il-Laburisti preżenti eżaltaw lill-gvern, bl-għajjat ta' 'Konrad, Konrad'

Il-Moviment Graffitti għamel azzjoni simbolika diretta fil-preżenza ta’ Konrad Mizzi – 'Titħanżru minn fuq dahar il-poplu'. Dan sar sabiex juru l-kundanna tagħhom għat-trasferiment t’art pubblika għal interessi privati, b’mod partikulari, il-ftehim mal-Grupp DB.

"Dan mhu xejn ħlief ħtif t’art mill-interessi l-kbar," sostniet l-għaqda.

Fost l-oħrajn, il-Moviment Graffiti semma kif art pubblika li bħalissa qed tintuża għal skopijiet edukattivi, b’valur stmat ta’ €212-il miljun, ingħatat lid-DB Group għall-prezz ta’ €15-il miljun, biex tintuża għal żvilupp privat. "Immaġinaw il-profitti enormi li se jkun qed jagħmel id-DB Group minn fuq art li kienet propjeta’ taċ-ċittadini Maltin kollha," qal il-Moviment Graffiti. Minħabba f'dan it-trasferiment, ikomplu jgħidu l-Graffiti, il-Gvern se jkun qed jonfoq tal-inqas €75 miljun sabiex jirriloka l-ITS ġewwa SmartCity. "Għalhekk, mhux biss art pubblika ingħatat lill-privat biċ-ċiċri, imma l-Maltin se jispiċċaw ukoll iħallsu sabiex Silvio Debono jkun jista’ jimpala l-miljuni. Dan filwaqt li l-€15-il miljun se jitħallsu fuq perjodu ta’ tmien snin b’żero interessi. Jidher li “loans” mingħajr interessi jeżistu biss għas-sinjuruni. Il-biċċa l-kbira tal-Maltin ikollhom iħallsu, għal biċċa l-kbira ta’ ħajjithom, loans bl-interessi sabiex sempliċiment ikollhom saqaf fuq rashom," żied jgħid il-Moviment Graffiti. 

"Ir-rizorsa l-iktar skarsa u prezzjuża li għandna, l-art, qed tintilef sabiex ftit nies ikunu jistgħu jħaxxnu bwiethom. L-amministrazzjonijiet Nazzjonalisti u Laburisti taw medded t’art pubblika lill-interessi privati – Tigne Point, Manoel Island, Żonqor, Dock 1, Fort Chambray, Portomaso, Penderplace, Fort Cambridge, SmartCity, ITS u oħrajn. Malta qed tinbiegħ biċċa biċċa lis-sinjuruni. Hemm bżonn li nqumu u nwaqqfu dan is-serq! Art pubblika għandha tintuża għall-ġid komuni u mhux biex l-interessi l-kbar jagħmlu l-profitti tagħhom."

Sadanittant dawn tħallew bil-protesta tagħhom waqt Gvern li jisma' u fi tmiemha, il-folla mdaqqsa Laburista qamet tapplawdi lil Konrad Mizzi billi teżaltah bl-għajta ta' 'Konrad, Konrad'.

More in Politika