€1.3 miljun fuq manutenzjoni ta' diversi blokkok tal-Gvern madwar il-pajjiż

Mill-isla sa San Pawl il-Baħar ...  xogħolijiet fuq blokkok ta' appartamenti tal-Gvern

Il-Ministru Farrugia jżur xogħolijiet ta' manutenzjoni li għaddejjin madwar il-pajjiż kollu
Il-Ministru Farrugia jżur xogħolijiet ta' manutenzjoni li għaddejjin madwar il-pajjiż kollu

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar illi matul l-aħħar erba’ snin l-Awtorità tad-Djar nefqet €1.3 miljun fuq xogħol ta’ manutenzjoni f’diversi blokkok ta’ appartamenti tal-Gvern madwar Malta. Il-Ministru Farrugia qal illi x-xogħol ta’ manutenzjoni sar fil-lokalitajiet tal-Isla, Raħal Ġdid, San Pawl il-Baħar, Ħamrun, Ta’ Ġiorni, u Pembroke.

Fil-proġett tal-Isla, li kien jolqot żewġ blokkok b’31 fond, saru xogħlijiet strutturali maġġuri fejn inbidlu l-maġġor parti tas-soqfa u gallarijiet. Saru wkoll tiswijiet u manutenzjoni fuq il-bjut u renovar tal-faċċati. It-tender kien ħareġ fl-2013, ix-xogħlijiet bdew fil-bidu tal-2014, u tlestew fl-2015. L-ispiża kienet ta’  €403,400.

Michael Farrugia qal illi ġewwa l-Isla sar ukoll xogħol ta’ tisbiħ ieħor, liema proġett inbeda f’Ottubru tal-2015, u kien jinkludi manutenzjoni sħiħa tal-bjut kollha, tisbiħ fil-partijiet komuni tal-blokkok, tibdil ta’ sistemi antiki tad-dawl, ilma u drenaġġ, kif ukoll tibdil ta’ lift antik peress li l-lifts fil-blokkok l-oħra kienu diġà nbidlu. Ix-xogħlijiet tlestew f’Awissu tal-2016, waqt li l-lift ġdid għadu kif ġie installat. L-ispiża kienet ta’  €170,673 għat-tisbiħ, u €58,882 għal-lift. Dan ix-xogħol sar fuq 33 fond.

Ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ Raħal Ġdid li kienu jkopru 24 fond bdew f’Ġunju tal-2015 u tlestew fi Frar tal-2016, u kienu jikkonsistu f’tibdil ta’ soqfa, tiswijiet u manutenzjoni tal-bjut, kif ukoll renovar tal-faċċati kollha. L-ispiża kienet ta’  €112,172.

Ġewwa San Pawl il-Baħar l-ispiża kienet ta’ €193,903 fejn ix-xogħlijiet bdew f’April tal-2015 u kienu jinkludu tibdil ta’ kontrabjut, tisbiħ u manutenzjoni fil-partijiet komuni tal-blokkok, renovar tal-faċċati kollha, u tisbiħ fil-pavimentar ta’ madwar il-blokkok. Il-proġett tlesta f’Awissu tal-2016 u kien ikopri 24 fond.

Michael Farrugia tkellem ukoll dwar il-proġett tal-Ħamrun, Okella Agius, li fih sar xogħol fuq 48 fond. Huwa qal illi f’dan il-proġett qed isiru tiswijiet u tibdiliet ta’ soqfa u kontrabjut, renovar tal-partijiet komuni li jikkonsistu f’tibdil u tiswijiet fis-sistemi tal-elettriku u tal-ilma, tibdil ta’ katusi tad-drenaġġ u ilma tax-xita, tibdil ta’ madum u aperturi, kif ukoll żebgħa fil-partijiet komuni. Il-progress tax-xogħlijiet miexi, fejn diġà nbidlu s-soqfa perikolużi u saru tiswijiet strutturali ta’ blajjet u travi, waqt li ngħata wkoll il-qatran u sar kontrabejt ġdid. Fuq ġewwa sar xogħol ta’ tibjid u kisi, dawl, sistemi tal-ilma u drenaġġ, waqt li beda wkoll xogħol fuq  tibdil ta’ madum u restawr tal-ħadid tat-taraġ. L-ispiża għal dan il-proġett hija stmata li titla’ għal €392,263.

Il-Ministru Farrugia qal illi f’Ta’ Ġiorni hemm 64 fond u l-ispiża hija stmata li tlaħħaq il-€232,855. F’dan il-proġett ser isiru tiswijiet fis-soqfa u kontrabjut, manutenzjoni tal-faċċati, tibdil u tiswijiet f’katusi tad-drenaġġ u ilma tax-xita, tibdil ta’ madum fl-entraturi, kif ukoll tibdil ta’ aperturi u meter cupboards fejn hemm bżonn. Michael Farrugia semma wkoll il-proġett ta’ manutenzjoni li qed isir fuq 80 fond f’Pembroke fejn l-ispiża hija stmata li titla’ għal €256,262. Dan il-proġett jikkonsisti f’xogħol ta’ manutenzjoni tal-faċċati, renovar tal-pavimentar, ħitan, ħwat u gutters fl-area madwar is-seba’ blokkok f’dan is-sit, kif ukoll tiswijiet ta’ ħsarat ikkawżati minn dħul tal-ilma fil-garaxxijiet li jinsabu taħt il-binjiet u ż-żona ta’ madwarhom. Il-kuntratt tax-xogħlijiet ġie ffirmat u x-xogħol beda fil-bidu ta’ dan ix-xahar. 

More in Politika