Il-PN jistaqsi jekk hux se jittieħdu passi fil-konfront ta' Grixti

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar jerġa' jirreaġixxi għall-każ żvelat fuq il-gazzetta ILLUM tal-Ħadd li għadda 

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi lill-Ministru Michael Farrugia, x'se jkunu "l-passi li se jittieħdu fil-konfront tas-CEO tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti wara li nqabad jigdiblu?"

Dan wara storja ta' din il-gazzetta ppubblikata nhar il-Ħadd dwar implikazzjoni li għamel Grixti dwar indħil minn social worker f'każ ta' care order f'Għawdex.

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, fil-Parlament nhar it-Tlieta staqsa lill-Ministru Farrugia dwar l-istorja ta' din il-gazzetta, u għal dan, Farrugia sostna dak li qallu s-CEO Alfred Grixti. Grixti qal li din il-gazzetta ma kwotatux b'mod ġust u li kitbet affarijiet li qatt ma semma. Minkejja dan, din il-gazzetta ppubblikat recording tal-intervista ma' Grixti sabiex turi li dak li nkiteb fil-gazzetta kien fil-fatt, intqal lilha minn Grixti stess.

Fil-Parlament, il-Ministru Farrugia sostna wkoll illi huwa lest jagħmel investigazzjoni sħiħa jekk l-ILLUM toħroġ recording tal-intervista li din il-gazzetta għamlet mal-Kap Eżekuttiv tal-istess Fondazzjoni Alfred Grixti.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li għandu fiduċja sħiħa fil-professjonisti u l-ħaddiema fis-settur soċjali, u jtenni li m’għandu qatt ikun hemm indħil fil-ħidma tagħhom, iżda l-attenzjoni għandha tingħata biss fl-interess tat-tfal.

More in Politika