'Nilqgħukom, imma l-liġijiet ta' pajjiżna tridu tobduhom'

Il-Maġistrat Joe Mifsud jagħti sentenza ta' priġunerija lil raġel Libjan li seraq minn diversi karozzi

(arkivji)
(arkivji)

Il-Maġistrat Joe Mifsud ikkundanna lil Libjan ta' 26 sena, Mohamed Mokhtar Jamhur, 25 xahar ħabs wara li dan ammetta illi seraq minn diversi karozzi erbat ijiem biss wara li kien ittella' l-Qorti akkużat b'attentat ta' serq, li kiser il-kundizzjonijiet ta' sentenza sospiża u li kien riċediv. F'Novembru li għadda kien akkużat illi ta daqqa ta' sikkina lill-maħbub ta' martu u ftit jiem wara, li reġa' hedded lir-raġel in kwistjoni. 

L-Ispettur Priscilla Caruana Lee spjegat kif ftit qabel l-4:00 a.m. nhar il-Ħamis, il-pulizija rċeviet rapporti li raġel kien qed jisgassa numru ta' karozzi fi Triq il-Fosos fil-Furjana. 

Il-Maġistrat, meta kien qed jagħti s-sentenza sostna illi "hija minoranza assoluta ta' dawk il-mistednin fostna li ma jagħtux każ il-liġijiet tal-pajjiż...aħna nilqgħukom u nkomplu nibnu reputazzjoni ta' nazzjon li juri ħniena u tjubija ma' dawk il-vulnerabbli u sfortunati, imma tridu tirrispettaw il-liġijiet tagħna." 

"Hawn minoranza li qed tagħmel ħafna ħsara u qed titfa' dell ikrah fuq oħrajn li qed jgħixu ħajja eżemplari," temm jgħid il-Maġistrat Mifsud. 

More in Politika