Tibda t-Tiġrija għall-voti ta’ Marie Louise
- 8,000 vot Laburist ‘x’jinħatfu’ fis-6 distrett
- Robert Abela jikkonferma li se jkun kandidat tal-PL
- Abela, Schembri, Cutajar u Galdes: ‘iż-żwiemel’
- Charles Mangion ma jidhirx li se jerġa jikkontesta
minn Albert Gauci Cunningham
Hekk kif il-pajjiż beda jingrana għall-kampanja elettorali, il-partiti komplew għaddejjin b’manuvri u ħidma ma taqta’ xejn fuq bażi distrettwali. Wara l-ewwel sensiela ta’ stejjer fuq l-ILLUM mill-ħames distrett fejn hemm ġirja sħiħa fost il-kandidati tal-Partit Laburista għat-8,000 vot ‘x’jinħatfu’, jidher li l-istess ġirja għaddejja fis-sitt distrett, fejn potenzjalment jista’ jkun hemm ftit inqas minn 8,000 vot Laburista wkoll ‘x’jinħatfu’.
L-ILLUM tista’ tiżvela li fuq dan id-distrett li jinkludi Ħal Qormi, is-Siġġiewi u Ħal Luqa, se jkun qed jikkontesta l-avukat Robert Abela, iben il-President Emeritus George Abela, li għal dawn l-aħħar ġimgħat kien għaddej b’kuntatti ma jieqfu xejn ma’ bosta nies fil-partit u ma’ dawk li issa se jiffurmaw it-tim tiegħu.
F’kuntatt ma’ din il-gazzetta, Abela kkonferma l-kandidatura tiegħu u qal li aċċetta li joħroġ għall-elezzjoni wara li ġie avviċinat mill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Fuq dan id-distrett, mhux se jkun hemm fil-lista Laburista tliet kandidati. Marie Louise Coleiro Preca, li fl-aħħar elezzjoni kienet ġabet 5,707 voti u Marlene Farrugia li ġabet biss 358 vot. L-ILLUM tinsab infurmata wkoll minn sorsi mill-Partit Laburista li n-Nutar Charles Mangion sa ftit ġimgħat ilu kien qed jesprimi lilu nnifsu fis-sens li mhux se jkun kandidat fl-elezzjoni ġenerali. Fl-aħħar elezzjoni, Mangion kien kiseb 1,930 vot.
B’kollox, dawn jammontaw għal 7,995 vot.
Il-voti tal-Qriema jistgħu jkunu kruċjali għall-PL fis-sitt distrett
- ...l-aktar ilmenti komuni tal-votanti huma dwar problemi soċjali, faqar u housing
Naturalment, Ħal Qormi tibqa’ l-aktar lokalità kruċjali fuq dan id-distrett b’14,257 vot irreġistrat sal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tal-2015. Minn dawn, 10,722 kienu validi u 6,701 ivvutaw lill-Partit Laburista.
B’Robert Abela issa uffiċjalment fuq il-lista, se jkun kompetizzjoni diretta għal Rosianne Cutajar, żagħżugħa popolari f’Ħal Qormi u eletta sindku tal-istess lokalità darbtejn. Cutajar, bħal Abela għandha preżenza qawwija fuq il-media, imma b’differenza, kienet taħt attakk mill-PN għal ħafna żmien li jagħmilha aktar attraenti għall-votanti li dejjem appoġġjaw lill-PL.
Minkejja dan, kemm Abela kif ukoll Cutajar se jkollhom għadma pjuttost iebsa, bil-kandidat u llum deputat Laburista Silvio Schembri jkompli jikseb popolarità, kemm f’Ħal Luqa, lokalità oħra bi predominanza Laburista, imma wkoll fost numru ta’ għeruq tal-partit li kienu jappoġġjaw lil Coleiro Preca. Fil-fatt, hija xi ħaġa magħrufa wkoll li bosta nies li kienu qed jappoġġjaw jew kienu saħansitra kanvassers ta’ Coleiro Preca, llum qed jaħdmu għal Silvio Schembri.
Schembri, li fl-aħħar elezzjoni ġenerali kien it-tieni l-aktar kandidat Laburista li ġab voti fuq id-distrett b’2,823 vot, mistenni li jgawdi l-aktar mill-voti ta’ Mangion, jekk dan jibqa’ tal-fehma li ma joħroġx għall-elezzjoni ġenerali.
Fattur determinanti fuq it-tielet siġġu li l-Partit Laburista mistenni li jirbaħ f’dan id-distrett Laburista huwa s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes, li għandu l-bażi tal-votanti tiegħu f’Ħal Qormi wkoll, fejn kien sindku darbtejn. Minkejja li wħud minn dawk li tkellmu mal-ILLUM sostnew li Galdes waqa’ lura fil-popolarità, oħrajn sostnew li għadu popolari fost nukleu ta’ Qriema u votanti kaċċaturi. Fakkru wkoll li mill-kandidati kollha fuq dan id-distrett, Galdes huwa l-unika membru tal-kabinett.
Apparti dawn, jidher li fuq il-lista se jkun hemm ukoll Gavin Gulia li fl-aħħar elezzjoni minn dan id-distrett kiseb 150 vot u Ian Borg li kiseb biss 638-il vot, hekk kif id-distrett ‘tiegħu’ huwa dak li jinkorpora fih Ħad-Dingli (is-7 Distrett). Kandidat ieħor li fl-elezzjoni ġenerali, mistenni wkoll li jerġa’ jikkontesta fuq dan id-distrett hu Manuel Micallef, personalità fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista li fl-aħħar elezzjoni kien ġab 237 vot.
Jiddominaw l-ilmenti dwar kwistjonijiet soċjali
Dawk li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew li l-akbar problemi li qed jiffaċċja l-Partit Laburista fuq dan id-distrett huma dawk relatati ma’ kwistjonijiet soċjali li sal-aħħar elezzjoni kienu jispiċċaw l-aktar f’ħoġor Coleiro Preca. Prinċipalment, il-problemi li dawk li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li qed jaslu għand kandidati Laburisti hemm: l-akkomodazzjoni soċjali jew bżonnijiet f’oqsma tad-djar, ix-xogħol, nuqqas ta’ mezzi finanzjarji u saħansitra nuqqas ta’ bżonnijiet bażiċi.
Din il-gazzetta hija infurmata li wħud mill-kandidati diġà għaddejjin b’kuntatt u appuntamenti ma’ bosta nies fuq id-distrett. Din il-ħidma issa mistennija li ‘tiqliel’ hekk kif se jibda jingrana t-tim li se jkun qed jumbutta l-kampanja ta’ Robert Abela.